L-Avukati difensuri ta’ numru ta’ akkużati b’rabta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella, talbu lill-Prosekuzzjoni biex tipprovdi l-evidenza b’rabta mal-ordni tal-iffriżar li ġiet imposta fuq l-akkużati.
Dan hekk kif il-Ġimgħa kompliet il-kawża fil-konfront ta’ Chris Fearne, Edward Scicluna u numru ta’ persuni oħrajn, hekk kif ordnati mill-Inkjesta tal-Maġistrat Vella, li damet erba’ snin u nofs biex tlestiet.
L-Avukati difensuri talbu biex il-Qorti ma tkunx biss timbru, iżda tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward.
Id-difiża kkontestat l-ordni ta’ ffriżar ta’ għoxrin miljun ewro u erbgħin miljun ewro, rispettivament u staqsew kemm dan hu ġustifikabbli u kif ġew ikkalkulati dawn l-ammonti kbar ta’ flus.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-liġi ma titlobx l-evidenza biex tiġġustifika l-ordni ta’ ffriżar. L-Avukati Franco Debono u Stefano Filetti sostnew li l-ammonti ta’ ffriżar ma joħorġux mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Il-Prosekuzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni biex tgħaddi informazzjoni jew evidenza fejn jintqal l-ammonti fl-ordni tal-iffriżar fil-konfront tal-akkużati.
F’din is-seduta ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana kien hemm ukoll numru ta’ xhieda.