Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, spjega li fid-diversi miżuri li jieħu l-gvern għandu l-għan li jnaqqas il-faqar.
Meta intervistat fuq ONE Radio, Joseph Muscat tkellem dwar rapport li poġġa lil Malta fuq nett fid-dinja fil-ġlieda kontra l-faqar. Għalkemm għamilha ċara li għad hemm każi ta’ faqar li jridu jkunu ndirizzati.
Kuntrarju ta’ dak li dan il-gvern wiret fis-sitwazzjoni tal-faqar, illum ‘il ġurnata “bdejna nnaqqsuh u nieħu pjaċir illi l-Ġnus Magħquda juru li aħna l-aktar pajjiż madwar id-dinja li għamilna u qed nagħmlu din il-ġlieda kontra l-faqar u qed niksbu r-riżultati,” spjega l-Prim Ministru.
“Minkejja dak kollu li għamilna, għad hawn nies foqra fil-pajjiż. Dik għalija hija l-isfida l-kbira nett. L-ewwel għan tagħna huwa x-xogħol. Ix-xogħol li mbagħad flimkien mal-edukazzjoni u mal-qafas tas-servizzi soċjali huma t-tliet pilastri li permezz tagħhom tiġġieled il-faqar,” żied il-Prim Ministru.
Hawn għamel referenza għad-diversi miżuri li ħa l-gvern bħal mhu l-garanzija għaż-żgħażagħ, il-mod kif jitħaddmu l-benefiċċji u ż-żieda fil-pensjonijiet fost oħrajn.
Joseph Muscat fuq ONE Radio fisser li l-fatt li tlajna l-ewwel fid-dinja mhux riżultat ta’ xi politika waħda fuq il-faqar, iżda riżultat tal-fatt li “f’dak kollu li nagħmlu u dak kollu li ngħidu, anke fuq il-politika tagħna fuq it-tkabbir ekonomiku, fl-aħħar mill-aħħar, the underlying theme huwa li għandna miżuri f’kull waħda li jkomplu flimkien, katina waħda kontra l-faqar.”