Numru kbir ta’ fdalijiet ta’ katavri instabu fi kmamar taħt l-art, f’dik li kienet dar li fiha jgħixu nisa li kellhom tarbija barra ż-żwieġ fl-Irlanda. Kummissjoni nħatret biex tinvestiga l-allegat abbuż f’dar li kienet titmexxa mill-Knisja.
Il-Kummisjoni qalet li kienet ixxukjata bis-sejba ta’ dawn il-fdalijiet fi sbatax minn għoxrin kamra li jinsabu taħt l-art. Il-fdalijiet li nstabu kienu ta’ ċkejknin ta’ età differenti, minn feti ta’ 35 ġimgħa sa tfal ta’ bejn sentejn u tliet snin.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li ż-żmien li fih dawn it-tfal inqatlu kien propju ż-żmien li fih kienet topera id-dar għall-ommijiet u trabi.
Il-Kummissjoni qalet li se tkun qed tinvestiga dan il-każ b’reqqa biex jinstabu l-persuni responsabbli għal dan il-qtil.