Waqt tfittxijiet li saru mill-forzi Iżraeljani f’Gaza instabu numru mhux magħruf ta’ katavri ta’ nies li kienu rrappurtati nieqsa fl-aħħar ġranet.
Dan ġie rrappurtat minn ġurnali f’Iżrael li qalu kif instabu wkoll affarijiet tal-vittmi f’dawn it-tfittxijiet. Il-katavri ta’ dawn in-nies ittieħdu lura lejn Iżrael.
Intant, bħalissa għaddejja sitwazzjoni delikata ta’ ostaġġi hekk kif qiegħed jiġi rrapurtat li mal-mija u ħamsin Iżraeljan qegħdin jinżammu bħala ostaġġi mill-militanti tal-Hamas f’postijiet sigrieta f’Gaza. Fost dawk miżmuma hemm nisa, tfal u saħansitra anzjani.
Il-militanti tal-Hamas qegħdin jheddu li se joqtlu ostaġġ għal kull darba li l-forzi Iżraeljani jwettqu attakk bl-ajru li joqtol persuni ċivili. B’dan l-aġir il-Gvern Iżraeljan qiegħed jaffaċċja sfida kbira f’dan ir-rigward.
Fl-istess ħin, il-forzi Iżraeljani qegħdin jakkużaw lill-militanti tal-Hamas li qegħdin jippruvaw iwaqqfu lin-nies joħorġu minn Gaza, kontra l-appell tal-istess forzi Iżraeljani, li qegħdin jgħidu kif l-intenzjoni tagħhom hi li ma jweġġgħux nies ċivili fl-attakki u b’hekk jixtiequ li n-nies ta’ Gaza jevakwaw irwieħhom.
Minkejja dawn l-akkużi, il-midja internazzjonali qed tirraporta kif fit-Tramuntana ta’ Gaza qed jiżdied il-paniku hekk kif aktar minn miljun Palestinjan huma mwissija biex jevakwaw. S’issa qed ikun stmat li diġà għamlu dan għexieren ta’ eluf.
Minn tal-inqas 1,900 persuna inqatlu sa issa f’Gaza wara l-attakki li qatlu 1,300 Iżraeljan ġimgħa ilu.