Fix-xhur li ġejjin mistenni jibda jopera s-servizz ta’ fast ferry, li se jaħdem kuljum, bejn Malta u Sqallija bl-isem ta’ RagusaXpress. Dan qed jitmexxa minn kumpanija Maltija.
Dan il-katamaran il-ġdid se jġorr ’il fuq minn erba’ mitt passiġġier u għoxrin karozza, bil-vjaġġ mistenni jieħu madwar siegħa u tliet kwarti.
Fl-aħħar jiem ġie rrapportat li saru testijiet ta’ dan il-katamaran, fejn telaq mill-Port il-Kbir sal-Port ta’ Ragusa fi Sqallija. B’dawn it-testijiet li saru kienu ta’ suċċess u issa jinsab aktar fil-qrib li jibda jopera.
ONE News hu informat li l-katamaran se jibda jopera mill-moll ta’ Gun Wharf biswit il-Valletta Waterfront, fil-limiti tal-Marsa.
Dan l-investiment minn investituri lokali mistenni jgħaqqad aktar liż-żewġ gżejjer ġirien fil-Mediterran, fejn l-Isqallin ukoll qed iħarsu lejh bħala nifs tajjeb għall-ekonomija tagħhom.
Dan ġie sostnut anke f’kitba fuq il-midja soċjali mid-Deputat fl-Assemblea Ġenerali ta’ Sqallija, Nello Dipasquale, li qal li jittama li kollox imur sew, minħabba li dan l-investiment se jżid l-opportunità ta’ konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.