Il-Mexxej tal-Katalunja qal li mhux se jaċċetta l-pjan tal-Gvern ċentrali Spanjol biex jieħu tmexxija tar-reġjun f’idejh.
Huwa qal li dan huwa l-agħar attakk fuq l-istituzzjonijiet tal-Katalunja mid-dittatorjat tal-General Franco bejn l-1939 u l-1975 – meta l-awtonomija tar-reġjun kienet spiċċat għal kollox.
Il-pjan tal-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy jinkludi t-tneħħija tal-Mexxej tal-Katalunja u t-trażżin tal-poteri tal-Parlament tar-reġjun.
Il-Mexxej tal-Katalunja qal li l-Gvern ċentrali qed imur kontra d-demokrazija. Għaldaqstant se jressaq dil-kwistjoni quddiem il-Parlament tar-reġjun biex issir diskussjoni dwar il-pjan tal-Gvern ċentrali u tittieħed deċiżjoni b’risposta għal dan l-istess pjan.