Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta llum tnieda katalgu ta’ spazji teatrali li għall-ewwel edizzjoni wieħed jista’ jsib 78 teatru. Dan il-katalgu jinkludi fih rapport dettaljat tat-teatri mniżżla, li jinsabu madwar Malta u Ghawdex.
Dan il-katalgu se jkun jista’ jitniżżel b’xejn onlajn bl-isem ta’ Spazji Teatrali u se jkun ta’ uzu għal dawk l-għaqdiet tejatrali li jkunu qed ifittxu post fejn itellgħu l-produzzjoni tagħhom kif ukoll għal diversi persuni oħra li se jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-katalgu għal raġuni jew oħra.
Apparti minn hekk waqt din it-tnedija ntqal kif għall-ewwel darba qed tiġi ċċelebrata World Theatre Day b’għadd ta’ attivitajiet madwar Malta u Għawdex tul tmiem il-ġimgħa fejn fost diversi attivitajiet se jkun qed jinfetaħ it-Teatru Manoel għal tours b’xejn.
Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018, Jason Miscallef, tkellem fuq l-importanza li jkollna inizjattivi minn V18 li jħallu frott mhux tul is-sena li ġejja biss iżda wkoll jitħalla legat li jħalli frott kulturali matul iż-żmien.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru Owen Bonnici fejn fakkar kif kien propju f’din il-legiżlatura li għall-ewwel darba f’Malta ġiet stabbilita kumpanija Nazzjonali tat-Teatru – Teatru Malta. Din hija kumpanija li mhux marbuta ma spazju wieħed biss iżda li llum qed tniedi d-dehra tagħha u l-ewwel inizjattivi.
Apparti minn hekk hu propju l-ewwel darba li Teatru Malta flimkien mal-Kunsill tal-Arti se jkun qed jaħdem b’mod reġjonali u se jkun qiegħed iwassal, jgħin u jħajjar produtturi u artisti biex jaħdmu fi spazji fil-lokalijiet tal-ħames reġjuni u mhux biss fiċ-ċentru.