Malli tlissen il-kliem ‘katalgu online’ timmaġina xi kataglu ta’ oġġetti moderni: ħwejjeġ, aċċessorji, teknoloġija…
Iżda Heritage Malta bil-kollaborazzjoni tal-Professur Anthony Bonanno nediet website ġdida bil-għan li sservi ta’ katalogu elettroniku dwar skulturi klassiċi u ta’ importanza mill-kollezzjoni nazzjonali.
Sa mit-twaqqif tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-bidu tas-seklu 20 bdiet tinġabar kollezzjoni ta’ skulturi mill-era klassika. Uħud minnhom instabu waqt skavi u oħrajn ingħataw minn individwi. Iżda qabel dan kollu, fl-1881 fir-Rabat, kienu nstabu sett ta’ skulturi tal-irħam fid-dar Rumana. L-iskulturi Rumani tpoġġew f’dan il-mużew li nbena apposta biex jipproteġi l-fdalijiet.
Bħal kollezzjonijiet ta’ skulturi Greco-Rumani mferrxa madwar l-Ewropa, is-sett li nstab f’Malta wkoll ried jinġieb għall-attenzjoni tad-dinja xjentifika u tal-pubbliku ġenerali u dan billi tiġi stampata pubblikazzjoni ddedikata fuq dan is-suġġett.
Il-Professur Anthony Bonanno ilu jiġbor tagħrif għal dan il-katalogu minn meta għamel it-teżi tad-dottorat tiegħu fl-Universitá ta’ Palermo fl-1971. Naturalment huwa kompla jaġġorna t-tagħrif u anke għamel skoperti ġodda fuq ċertu skulturi.
Il-Professur Bonanno ma qatax qalbu li jkun hawn disponibbli katalogu komprensiv bl-iskulturi kollha Greco-Rumani. Madankollu dehret diffiċli l-possibbiltá li l-katalogu jkun ippubblikat. Għalhekk nibtet l-idea li l-katalogu jkun wieħed elettroniku fejn jista’ jkun aġġornat il-ħin kollu u anke milħuq minn firxa ħafna ikbar ta’ nies. Din l-idea ġiet mressqa lil Heritage Malta, li hija l-aġenzija nazzjonali fil-kustodja u t-tmexxija tal-mużewijiet u siti nazzjonali.
Heritage Malta laqgħet din l-idea u offriet is-sostenn loġistiku tagħha. Dan billi l-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, tinkludi wkoll sezzjoni ddedikata lill-iskulturi li jispikkaw u huma ta’ importanza fil-kollezzjoni nazzjonali. F’din is-sezzjoni hemm dettalji dwar l-iskulturi u anke se tibqa’ ssir reviżjoni b’żidiet ta’ skulturi u tagħrif ieħor.