Bejn it-Tlieta 11 u l-Ħamis 15 ta’ April, is-sewwieqa żgħażagħ tal-karting Delcine Galea u Zach Scicluna kienu fil-korsa ta’ Silverstone għal kors speċjalizzat ta’ taħriġ tas-sewqan. Galea u Scicluna ntgħażlu għal din l-avventura wara li pparteċipaw fil-Programm ta’ Taħriġ ta’ Sewwieqa Żgħażagħ li l-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport organizzat f’Lulju tas-sena l-oħra.
Matul dawn it-tliet ijiem, Galea u Scicluna ħadu taħriġ biex ikunu aktar preparati mentalment u fiżikament għall-isfidi waqt it-tlielaq, l-istess taħriġ mill-istess persuni li jħarrġu lis-sewwieqa tal-Formula Wieħed.
Waqt il-kolazzjon f’ Silverstone, Galea u Scicluna ltaqgħu ma’ Pierre Gasly, is-sewwieq tat-tlielaq tal-Formula Wieħed tat-tim Alpine.
Galea u Scicluna huma grati immens lejn l-FIA u l-MMF, li tawhom din l-opportunità, u lejn it-trejners, Jof Cox, Simon Fitchett, Edward Beschir u Khalil Beschir. It-tnejn qablu li tgħallmu ħafna, esperjenza li ma jinsew qatt u, s’issa, il-qofol tal-karriera tagħhom fis-sewqan.