Bejn il-Ġimgħa 5 u l-Ħadd 7 ta’ Lulju, tliet Sewwieqa tal-Karting żgħażagħ Maltin, Eli Xuereb, Zane Pace u Kimi Bugeja, urew il-ħiliet tagħhom fl-Autodromo Concordia f’Favara f’Agricento fi Sqallija. Kienu hemm biex jikkompetu fis-6 round tal-Coppa Italia Zona 8, Zona Sqallija. Eli u Zane kienu fil-GR3 għal aktar minn għaxar snin, filwaqt li Kimi kien fil-GR3 għal inqas minn għaxar snin.
Eli Xuereb, b’bidu promettenti, ikkwalifika fit-tielet post b’0.2ta sekonda biss mill-pole u 0.15 mit-tieni post. Minkejja li tilef xi pożizzjonijiet fil pre-finali, irnexxielu jerġa jitla għat-tielet post. Għalkemm kien nieqes mill-veloċità fil-partijiet dritti taċ-ċirkwit fl-aħħar tiġrija, il-potenzjal tiegħu kien evidenti hekk kif xorta spiċċa fis-6 post fil-klassi GR3 ta fuq għaxar snin.
Zane Pace, kellu l-aqwa riżultat li seta’ kiseb mhux biss mis-sewwieqa Maltin hekk kif beda billi kkwalifika fit-2 post, beda l-prefinali fit-tieni u spiċċa r-rawnd fl-ewwel post tal-klassi tiegħu, riżultat li wera ħiliet kbar mis-sewwieq żgħażugħ u li għamel il dawk kollha preżenti kburija bil-prestazjoni tiegħu.
Kimi Bugeja, beda billi kkwalifika fil-5 post, għadda għat-2 post fil-Pre Finali. Fil-finali Bugeja beda fit-2, tilef 4 postijiet fl-ewwel kantuniera iżda għal darb’oħra avvanza għat-tieni post u spiċċa l-ġurnata fit-2 post tal-GR3 taħt l-10 fil-proċess irnexxielu jagħmel ukoll l-iktar dawra veloċi.
Il-kampjonat se jkompli fl-1 ta’ Settembru fit-trakka Villarosa f’Enna, fi Sqallija u bl-aħħar rawnd fil-Pista Del Sole f’Mellilli f’Siracusa wkoll fi Sqallija fit-13 ta’ Ottubru.