Nhar l-Erbgħa 10 ta’ Mejju, CRG, disinjaturi u manufatturi famużi tal-Go Karts, ħabbru li żewġ sewwieqa żgħażagħ tal-karting Maltin, Ben Piscopo u Dario Mifsud, ser jingħaqdu mas-CRG Factory Racing Team fil-kategorija MINI.
Wara jumejn ta’ ttestjar mas-CRG Factory Team, iż-żewġ sewwieqa Maltin se jipparteċipaw fil-Kampjonat Taljan ta’ ħames Rounds, bl-ewwel waħda skedata għall-korsa ta’ Cremona fi Cremona, l-Italja, bejn it-18 u l-21 ta’ Mejju.
Is-sewwieq ta disa’ snin, Ben Piscopo, se jikkompeti fil-kategorija Under Ten, filwaqt li Dario Mifsud ta’ tnax-il sena se jikkompeti fil-Mini Gr.3.
Iż-żewġ sewwieqa diġà huma marbuta mas-CRG peress li jsuqu bl-istess marka f’Malta, Piscopo fil-Mini X30 Iame u Mifsud fil-Mini Gr.3. Piscopo huwa l-Mini Champion attwali tal-Iame Series f'Malta, u Mifsud fil-mument qed fl-ewwel post tal-klassi Mini Gr.3 fil-Kampjonat Nazzjonali Malti tal-Karting.
Għal Piscopo, il-Kampjonat Taljan se jkun l-ewwel avveniment kompetittiv barra minn Malta, filwaqt li Mifsud diġà kellu esperjenza internazzjonali mas-CRG Factory Team meta pparteċipa fil-Finali Internazzjonali Iame fl’2021 f’Adria.