Wara xhur ta’ preparamenti u xogħol iebes mid-dilettanti tal-Karnival, il-ħolm ikrah tagħhom dwar il-maltemp sar realtà ġimgħa qabel jibda r-renju tal-bluha.
Il-maltemp qawwi f’dan it-tmiem il-ġimgħa kkawża diversi ħsarat fil-preparamenti għall-edizzjoni tal-Karnival ta’ din is-sena.
Id-direttur ta’ Festivals Malta Jason Busuttil spjega li mal-għodwa tal-Ħadd, fl-inħawi ta’ Albert Town fil-Marsa ddominaw mumenti ta’ paniku hekk kif numru ta’ karrijiet li kienu lesti biex jieħdu sehem fil-Karnival, ġarrbu ħsarat estensivi – minkejja li kienu pprovduti b’tined b’saħħithom.
Spjega kif “It-tined spiċċaw kollha totalment. Huma tined kbar dawn. Kienu l-fuq minn 40metru l-waħda jiġifieri kien hawn tnejn kienu armati bil-blokkok tal-konkos lanqas ħadd ma jemmen li spiċċaw kif spiċċaw kif qed taraw. Spiċċa kollox bażikament it-tined telqu kollha. Ma hemmx kliem oħra pruvawjna nagħmlu dak li stajna u mnalla għamilnihom ukoll għax kieku llum il-ġurnata dawn il-karrijiet qiegħdin barra.”
Huwa qal li l-ħidma sfieqa mid-dilettanti baqgħet għaddejja anki matul il-lejl, biex mill-mitluf, jieħdu li jistgħu.
Busuttil spjega kif “Qed nipruvaw insalvaw l-iktar karrijiet possibbli. Ilna lejl sħiħ għaddejin inġorru l-karrijiet u naraw fejn nitfgħahom għax ovjament il-karrijiet kienu armati hawn ġew allura qed insibu l-postijiet fejn nitfagħhom. Jidher illi ħa nitilfu bejn karru u tnejn imma ovjament qed jirnexxielna nsalvawhom biex issa dil-ġimgħa jaħdmu qatiegħ jippruvaw isewwu l-ħsarat li għandhom, imma t-temp jidher li l-ġimgħa d-dieħla ħa jippermetti allura qed nagħmlu l-isforzi kollu tagħna biex isir dak li għandna pjanat.”
Intant il-Minstru għall-Kultura Owen Bonniċi esprima solidarjetà sħiħa mad-dilettanti tal-Karnival, u qal li t-tined il-kbar u b’saħħithom li ġew pprovduti ma kienu xejn ħdejn il-qawwa tan-naturi.
Qal ukoll li l-Gvern lest jagħti għajnuna finanzjarja lil dawk kollha li sofrew xi ħsarat.