Transport Malta avżat lill-operaturi ta’ vetturi elettriċi jew hybrid bil-Y Plates, li l-iċċarġjar fil-pubbliku tagħhom se jkollu limitu ta’ sittin minuta. Min jaqbeż dan il-ħin jiġi meqjus li qed jikser ir-regolamenti applikabbli u jkun suġġett għal inforzar kif xieraq.
F’ittra uffiċjali ntqal li l-użu ta’ spazji ta’ pparkjar fit-triq, inklużi spazji ta’ ċċarġjar tal-vetturi elettriċi, hu kklassifikat bħala użu tat-triq pubblika u ma jikkostitwixxix ipparkjar mhux fit-triq.
Għaldaqstant, vetturi żgħar għall-ġarr ta’ passiġġieri, li jirriżulta li jammontaw għal madwar 1,200, għandhom ukoll jaderixxu mal-limitu ta’ sittin minuta waqt li jkunu qed jokkupaw dawn l-ispazji biex jibqgħu konformi mar-regolamenti.
L-operaturi ġew avżati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa u jinformaw lix-xufieri u maniġers tal-flotta tagħhom kif xieraq.