Dik li darba kienet l-Mdina Gran Prix, organizzata mill-Valletta Gran Prix Foundation, se ssir bejn is-sitta u d-disgħa t’Ottubru.
Għas-sitt darba, se ssir ċelebrazzjoni tal-istil klassiku tal-vetturi, fil-ġmiel storiku li joffri l-isfond tal-Imdina. Din is-sena mistennija jattendu ‘l fuq minn 70 parteċipant mill-Ingilterra, l-Italja, Franza, l-Iżvizzera u minn Malta stess.
Fost il-vetturi klassiċi li se jgħaxqu r-rotta bejn l-Imdina u l-Imtarfa se naraw Riley, Alvis, Ferrari, Jaguar, Alfa Romeo, Lancia, u Talbot.
Paul Bugeja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li din hija vetrina li tattira nies differenti, waqt li tpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali. Is-sena l-oħra attendew 400 ġurnalist. Stqar li pajjiżna qed ikompli jimraħ f’niċeċ ġodda, bħall-ftehim dwar football training camps f’Malta.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-isport Chris Agius qal li r-relazzjoni bejn l-sport u t-turiżmu hija evidenti. Qal li s-sena d-dieħla Malta tospita l-European Sports Forum, li huwa l-ikbar forum tal-isport. Qal li l-pożizzjoni ġeografika u t-temp ta’ pajjiżna jippermettu ħafna aktar attivitajiet bħal dawn.
Il-Ministru għat-Trasport Joe Mizzi innota li l-Maltin dejjem kellhom passjoni għall-karozzi klassiċi u din l-attività hija xhieda ta’ kemm il-ħolm ta’ min jaspira jista’ jsir realtà.
Joe Zammit Tabona mill-Valletta Gran Prix Foundation ħeġġeġ lill-awtoritajiet governattivi jkomplu jappoġjaw din l-attività, li tattira nies li jonqfu kemmxa flus mhux hażin f’pajjiżna.