Ġuvni ta’ sitta u għoxrin sena mill-Kalkara sofra ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku, li seħħ il-Ħadd fis-siegħa u nofs neqsin ħamsa ta’ wara nofsinhar fi Triq Reġjonali f’Santa Venera.
Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li kien hemm ħabta bejn tlett vetturi: Maruti 800 misjuq mill-vittma, Mitsubishi Pajero misjuq minn raġel ta’ tnejn u erbgħin sena minn Ħad Dingli u Toyota Corsa misjuqa minn raġel ta’ disgħa u ħamsin sena minn Bormla.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-Maruti l-Isptar Mater Dei għall-kura. Iktar tard l-istess raġel ġie iċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.