Mill-anqas sitt persuni sfaw feruti, wieħed minnhom f’qagħda kritika, wara li għall-ħabta tal-10 ta’ filgħaxija lbieraħ karozza baqet dieħla fuq folla nies li kienu jinsabu fuq bankina fi triq prinċipali ta’ Brunnenstrasse li tgħaqqad Gesundbrunnen maċ-ċentru ta’ Berlin. Huwa mifhum li wieħed mill-midruba huwa uffiċjal tal-pulizija. Mill-anqas 4 persuni ttieħdu l-isptar.
Skont il-pulizija Ġermaniża, il-karozza, li hija waħda li taħdem bħala taxi jew simili, ġiet b’veloċità kbira u tilfet il-kontroll wara li kienu waqqfuha għal spezzjoni bil-konsegwenza li daħlet fuq in-nies u nfaqgħet ġo ħajt.
Persuna inqabdet taħt il-karozza u tinsab fil-periklu tal-mewt.
Għadu mhux magħruf jekk dan kienx inċident jew attakk terroristiku u l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejin.
Fuq il-post mill-ewwel wasslu ħelikopter tas-salvataġġ flimkien ma’ 60 ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u 22 vettura kbira hekk kif l-inċident kien ittrattat bħala wieħed tal-massa.
Dan hu t-tielet inċident b’vetturi jidħlu fuq il-pubbliku fil-Ġermanja fi ftit ġimgħat hekk kif il-Ġermanja fl-aħħar 10 xhur kienet esposta għal 7 attakki terroristiċi. Ħmistax ilu, karozza qatlet żewġ persuni u ħalliet 14 feruti fil-belt ta’ Mannheim.