Din kienet il-finali tal-avveniment Doorslammers f’Santa Pod, l-Ingilterra. It-tim Malti taż-Żoqdi kaxkar il-kompetizzjoni u kiseb l-ewwel post fil-klassi tas-6 cylinders.
One News tkellem mal-membri t-tim taż-Żoqdi Racing Team mal-wasla tagħhom lura f’Malta. Huma qasmu magħna l-esperjenza tagħhom ff-vjaġġ tagħhom għar-rebħa.
Gary Camilleri huwa x-xufier tal-vettura Ford Escort li biha rebaħ it-tim Malti. Minkejja li telgħu sabiex jirbħu, huwa qalilna li l-għan ewlieni tagħhom kien li jgħaddu mill-esperjenza meraviljuża u jingħaqdu ma’ nies li għandhom delizzju komuni bejnithom. Qal ukoll li ltaqgħu ma’ diversi sfidi fosthom il-klima, li sfurzathom jissettjaw mill-ġdid il-magna tal-vettura.
“Daqxejn leak taż-żejt li rranġajna, peress li post ġdid, mja differenti, u hekk, sakemm tagħmel tuneup tal-magna.”
Gary stqarr li din mhix se tkun l-aħħar darba li jitħajjar jitla’ mat-tim tiegħu jirrappreżenta lil Malta u jinsab ħerqan għal esperjenza sabiħa oħra.
“Ix-xewqa tagħna hi li darb’ oħra nerġgħu nitilgħu għal dik ir-raġuni, tipo avventura li tlajna – mhux għax neqsin milli nsuqu hawnhekk pereżempju.”
Gary qasam magħna d-diżappunt li jħoss meta jkun hemm xi wħud li, mingħajr ħsieb, jikkonkludu li l-isport huwa wieħed wisq perikoluż. Enfasizza li dan mhux minnu, u li minbarra l-apparat sigur li huwa meħtieġ, preżenti fit-tlielaq ikun hemm ambulanza u tim mediku li jkunu għal-lest li jassisti f’każ ta’ emerġenza.
“Kulħadd jaħseb li hu perikoluż. Meta tkun fit-track għandek is-safety standards kollha. Il-karozza fl-Ingilterra għaddiet mill-iscreening kollu.”
Minkejja l-esperjenza sabiħa li kellu, Gary xorta waħda qalilna li t-trakka ta’ Malta hija preferuta, mhux minnu biss iżda minn bosta dilettanti li bil-ħerqa jżuruha biex jikkompetu fiha.
“Bħala trakka nistgħu ngħidu li għandna waħda mill-aqwa tal-Ewropa li, fil-fatt, qed jiġu ħafna barranin ukoll. Minn Sqallija, mill-Greċja, minn kullumkien, u f’Novembru li ġej qed nistennew numru kbir ta’ barranin li se jiġu jsuqu hawn ”
Finalment, it-tim kollu taż-Żoqri ħa din l-opportunità biex jirringrazzja lil dawk kollha li, permezz tal-għajnuna tagħhom, il-ħolma tagħhom saret realtà u qabżet l-aspettattiva tagħhom bir-rebħa tal-klassi 6 cylinders.
“Nixtieq nirringrazzja lill-familti, lil-sħabi li qedgħin hawnhekk u grazzi kbira lis-sponsors li kieku ma kienx huma ma konniex nitilgħu.”