Waqt li fl-aħħar ġimgħat kompla joħroġ iżjed fil-beraħ kif l-“għaqda”, li jiftaħar li ġab Bernard Grech fil-Partit Nazzjonalista, lanqas tista’ mqar issejħilha kosmetika, il-fazzjonijiet interni opposti qed ikomplu jagħmlu ħerba fil-beraħ, waqt li l-affarijiet komplew ibaqbqu minn ġewwa, kif esprimew sorsi mid-Dar Ċentrali stess ma’ ONE News.
Dan waqt li l-klikka estremista, immexxija minn Karol Aquilina u miegħu anke Beppe Fenech Adami, għadha determinata li żżomm lill-partit fl-Oppożizzjoni taħt il-kontroll assolut tagħha.
ONE News informat li deputati Nazzjonalisti stess qed jilmentaw kif il-ġlied intern, li kompla jiżbroffa dan l-aħħar, “kollu nqala’ minħabba l-aġir mhux xieraq ta’ Karol Aquilina fil-konfront tal-Ispeaker.”
Dan ikompli ma’ dak żvelat mill-gazzetta MaltaToday il-Ħadd li għadda fejn deputati tal-Oppożizzjoni stess qed jesprimu sensazzjoni ta’ qtigħ il-qalb f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Dawk li tkellmu ma’ ONE News, bil-kundizzjoni tal-anonimità, stqarrew li “(Karol) flok ġarr ir-responsabbiltà ta’ għemilu, niżżel lil kulħadd miegħu”, b’referenza għall-istqarrija favurih personali maħruġa minn wara dahar kulħadd.
Is-sorsi tagħna komplew li dan “imbagħad fassal pjan, flimkien ma’ Beppe Fenech Adami, kif jeħel ħaddieħor għas-surveys ħżiena tal-Partit (Nazzjonalista). Dawn it-tnejn, b’Richard Cachia Caruana warajhom, fgaw u qerduh lill-Partit.”
Id-determinazzjoni li l-klikka estremista tattakka lil deputati oħrajn fil-PN stess, kompliet toħroġ meta anke f’jum l-Għid, ħaten Beppe Fenech Adami u ħabib ta’ Karol Aquilina, Kevin Cassar, kompla bl-attakk fuq id-Deputat Għawdxi Alex Borg bil-kitbiet tiegħu fil-gazzetti.
L-istess sorsi qalulna li “Alex (Borg), min-naħa tiegħu, qed iħalli l-ambizzjonijiet jiġru bih. Tela’ l-ewwel darba (fil-Parlament) u diġà qed jippretendi li jsir Kap. Qed jara kbir u anke dawk qribu qed jgħidulu biex iżomm saqajh mal-art … imma r-raġel ambizzjuż bl-ikrah u ma jridx jaf”.