Persuni midħla sew tal-Partit Nazzjonalista, u viċin ħafna ma’ wħud mid-deputati Nazzjonalisti, u li tkellmu mal-Kullħadd spjegaw kif l-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil, il-kap de facto Karol Aquilina, u l-eks deputat Nazzjonalista, u avukat ta’ Repubblika, Jason Azzopardi ħatfu, għalkollox, lill-Partit Nazzjonalista f’idejhom.
“Karol Aquilina għandu saħħa tremenda fuq il-PN u fuq Bernard Grech. Waqt il-laqgħat tal-Grupp Parlamentari jikkmanda hu u ħafna mid-deputati preżenti jibżgħu minnu u jkollhom ibaxxu rashom,” qaltilna persuna viċin wieħed mid-deputati Nazzjonalisti. Persuna oħra, li tattendi l-Eżekuttiv tal-PN, qalet lil din il-gazzetta li Aquilina “jimmanuvra l-ħin kollu.
Kollox orkestrat. Iqum jitkellem u kulħadd ikollu jiskot, inkluż il-Kap, għax jibżgħu minnu, għax viċin elementi li għandhom ħakma totali fuq il-PN, li jinkludu lil Richard Cachia Caruana, li fil-PN kulħadd jitwerwer minnu u ħu Karol, Robert Aquilina, li għandu l-għaqda Repubblika f’idejh.’”
“Karol jidħol fl-uffiċċju tal-Kap b’arja kbira u jgħid lil Bernard Grech x’għandu jagħmel. Ta’ spiss ikun id-Dar Ċentrali, jidher li bħala avukat ma tantx huwa mħabbat, allura tarah ipassi fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, u daqqa dieħel għand il-Kap, u daqqa għand is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino jew inkella f’dik li jsibuha ‘l-war room,’ li hija l-kamra tad-Direttur tal-Komunikazzjoni, Nathaniel Attard,” qaltilna persuna li tħuf hi wkoll fid-Dar Ċentrali Nazzjonalista.
Kandidat Nazzjonalista li tkellem mal-Kullħadd qal hekk dwar Aquilina: “Ma tarahx iħabbat bieb li hu bieb wieħed!” b’referenza għall-house visits. “Uħud minna naħdmu bi lsienna barra, inħabbtu l-bibien. Karol ma jħossx il-polz tan-nies. Jgħix f’bozza u jagħmilha biss ma’ oħrajn li jaħsbuha bħalu. Imbagħad imurlek fil-Parlament, ipoġġi wara l-Kap, ħalli jidher, u jiddetta l-aġenda tal-partit.”
Imbagħad hemm Simon Busuttil, li wara li sparixxa lejn Brussell fl-2017, meta dabbar damdima elettorali, issa reġa’ ġie lura Malta u diġà ntefa’ jattakka, b’mod isteriku, lill-Partit Laburista. “Simon l-agħar ħaġa li qatt ġrat lill-PN,” hekk iddeskrivieh attivist Nazzjonalista li tkellem mal-Kullħadd. “Kien l-agħar Kap li qatt kellu l-PN.
Huwa bniedem bitter immens. It-telfa tal-2017 kidditu wisq. Kien ħaseb li se jirbaħ dik l-elezzjoni u meta ħareġ ir-riżultat ingħalaq f’kamartu f’disprament kbir. Ma’ rasu weħel il-poplu u għadu jaħseb hekk sal-lum.”
Persuna viċin ta’ deputat li assolutament ma jarax għajn m’għajn ma’ Simon Busuttil spjega kif “meta ġie lura minn Brussell, Karol, Beppe Fenech Adami u anke Jason Azzopadi, qalu lill-Kap li Simon Busuttil irid jerġa’ jiġi integrat għalkollox fil-PN u jingħata l-ispazju kollu. Ġie deċiż li Busuttil jingħata spazju fil-midja bl-Ingliż.’”
Fil-fatt hekk qed jiġri. Simon Busuttil ingħata spazju qawwi fuq it-Times tat-Tlieta, 11 ta’ Frar, biex joħroġ jattakka r-riforma fl-inkjesta maġisterjali, proprju fl-istess jum li tressqet mill-Gvern għad-diskussjoni fil-Parlament. Opinjoni fuq l-aħħar faċċata minn Busuttil u rapport fuq l-ewwel faċċata tal-gazzetta ġew deskritti minn sorsi fil-Partit Nazzjonalista stess bħala tentattiv ta’ disprament mill-fergħa estremista tal-establishment kontra r-riformi li, fost l-oħrajn, se taqta’ l-abbużi mis-sistema kif instab li kien qed jagħmel fl-aħħar żmien l-avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi.
L-istess persuna qalet illi “Simon Busuttil kien qal li Gvern Laburista jdaħħal lil Malta gas down ġo ħajt. Imbagħad kien hu li daħħal lill-PN fil-ħajt, u issa li reġa’ ġie lura hekk se jerġa’ jagħmel.” Finalment, hemm Jason Azzopardi. Politiku fallut li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma nġabarx.
Illum hemm qbil wiesa’ fil-PN li Azzopardi huwa mażżra kbira ma’ għonq il-PN. Persuna minn Raħal Ġdid, li tkellmet mal-Kullħadd, qalet illi f’raħal twelidu, Azzopardi huwa magħruf għad-double standards tiegħu u “kulħadd warrbu.” Iżda min hu midħla sew tal-PN jgħid li lil Azzopardi ħadd ma jista’ jwaqqfu għax għandu l-appoġġ ta’ Karol Aquilina, ta’ Simon Busuttil u ta’ Robert Aquilina tar-Repubblika.
Tant tilfu kull kontroll fuq Jason Azzopardi li wara li nqabad jigdeb fuq is-segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, u fuq il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, minflok iddiżassoċjaw ruħhom minnu, tal-PN stednuh fuq in-NET.
“Quddiem dawn it-tlieta min-nies, Bernard Grech ma għandu saħħa ta’ xejn. Ġabuh ċippitatu, jagħmlu li jridu bih u hu jibża’ minnhom għax kif l-estremisti qaċċtu lil Delia biex poġġew lilu fis-siġġu ta’ Kap, hekk jagħmlu lilu jekk biss ifettillu jiqfilhom,” qaltilna persuna midħla tal-PN.