Wara li lbieraħ, ONE News żvela kif l-istqarrija ta’ appoġġ, minn Karol Aquilina, għal Jason Azzopardi, li l-Ġimgha filgħodu nstab ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti, ħarġet minn Karol, f’isem il-PN, mingħajr l-approvazzjoni tad-deputati nazzjonalisti, lllum ONE News ikompli jiżvela kemm Karol Aquilina huwa l-kap veru tal-PN.
Sorsi minn ħdan il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista qal lil ONE News kif fl-aħħar xhur, l-istqarrijiet tal-PN iridu “jiġu skrutinizzati u approvati” minn Karol Aquilina qabel jintbagħatu lill-midja.
Fil-każ tal-istqarrija li Karol ħareġ dwar Jason, is-sors qalilna li ‘Karol, b’mod ironiku, skrutinizza lilu nnifsu, għax l-istqarrija kitibha hu u ħareġ hu, mingħajr l-approvazzjoni ta’ ħadd mid-deputati u l-partit, permezz ta’ Nathaniel Attard, bagħatha lill-midja”.
ONE News infurmat li dan l-atteġġjament ‘bully’ u ‘arroganti’ ta’ Karol Aquilina qed ikompli joħloq tensjoni enormi fil-PN.
”Dan Karol jagħmel li jrid. Bernard ċass u bla saħħa quddiemu. Jekk irid li l-PN jagħmel xi haġa, jew jgħid xi haga, tgħaddi dejjem tiegħu”, qalilna s-sors tagħna.
“Anke għall-protesta ta’ Repubblika din il-ġimgħa, ġie bil-paroli u beda jhedded għax mhux id-deputati kollha ingħaqdu mal-protesta, bil-borom, ta’ Repubblika. U rrabja aktar għax mhux id-deputati kollha kienu l-Parlament dakinhar tal-vot dwaru”, temm jgħid is-sors tagħna mill-qalba tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.