Ħareġ b’mod ċar li Adrian Delia ma kelluebda pjan ta’ kif seta’ jispiċċa fil-parlament jekk jirbaħ it-tellieqa għall-Kap tal-PartitNazzjonalista.
Dan meta fl-aħħar sigħat intensifikaw in-negozjati bil-għan li jinstab deputat li lil Adrian Delia jċedulu s-siġġu.
Hemm numru ta’ deputati li appoġġjaw lilDelia, bħal Clyde Puli u Herman Schiavone li qed jipprovaw jikkonvinċu oħrajn minn sħabhom iħallu s-siġġu.
Dan fl-istess ħin li jagħmluha ċara li mhux se jkunu huma li jċedu s-siġġu tagħhom.
U jidher li issa fin-negozjati daħal il-kunċett li s-siġġu jinxtara.
Il-Maltatoday tal-Erbgħa żvelat għall-ewwel darba li d-deputat Mosti Ivan Bartolo kien offrut impjieg l-istamperija biex iċedi s-siġġu.
Is-siġġu ta’ Ivan Bartolo hu dak li ċeda Simon Busuttil fuq il-ħdax–il distrett u ma kienx lest iċedih anke jekk minbarra li wegħduh li joħdulu ħsieb il-but, għax jagħmluh konsulent tal-kap, jaħdmu skema biex jerġa’ jsir sindku tal-Mosta.
Ma ċeditx l-anqas Maria Deguara, li wara sagħtejn laqgħa nhar it-Tnejn, ma kinetx biżżejjed biex tkun konvinta anke jekk tat x’ jinftiehem mod ieħor wara li nhar il-Ħadd dehret tkellem fit-tul lil Delia.
Il-pjan hu li l-ewwel Delia jdur fuq dawk kollha li telgħu b’elezzjoni każwali, għax jekk iċedi xi ħadd minnhom ikun iktar faċli li jidħol il-parlament.
Dan għax il-partit jagħżel b’co-option mill-ewwel lil min għandu jirrappreżentah.
Saħansitra ssemma Karol Aquilina u l-possibbilta li jinħatar Segretarju Ġenerali biex iċedi s-siġġu.
Iżda Aquilina, li kien indika li bil-ħatra ta’ Delia l-PN ikun qed jinħakem mill-interessi tal-mażunerija, għamilha ċara li ma riedx iċedi s-siġġu u lanqas hu interessat li jmur l-istamperija fil-kariga li sal-lum għandha Rosette Thake.
Saħansitra qal li dan qed jintqal biex issir ħsara lilu u lill-PN.
Deputat li ħafna qed jarawh li jista’ jkun hu li jċedi huwa l-Għawdxi Frederick Azzopardi, anke għaliex fl-aħħar elezzjoni ma riedx jikkontesta.
Iżda kif qal Azzopardi nnifsu, jekk iċedi hu l-Partit Nazzjonalista ma jkunx intitolat għal co-option għax hu tela’ elett bil-mekkaniżmu tal-kostituzzjoni dwar ir-rappreżentanza proporzjonali.
Jekk jirriżenja deputat li ma telax b’elezzjoni każwali jinfetħu n-nomini għal by-election u Marlene Farrugia għamlitha ċara li l-kandidatital-Partit Demokratiku jikkontestaw.
Meta wieġbet għall-appell ta’ Michael Briguglio biex ma jsirx hekk Marlene Farrugia qalet li l-Partit Nazzjonalista messu ħa l-ħin tiegħu qabel għamel l-elezzjoni għall-Kap u mhux għaġġel.
Sostniet li b’Delia l-Partit Nazzjonalista se jmur għall-agħar u għalhekk hi trid tipproteġi l-prinċipji li ħarġet fuqhom għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet.