Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina se jkun qed jitressaq il-Qorti jaffaċċja akkużi b’rabta ma’ dak deskritt bħala aġir irresponsabbli fejn ipprova jipperikola ħajjet pulizija mis-sezzjoni tal-muturi tat-traffiku.
Ikkonferma dan Karol Aquilina stess fuq il-profil tiegħu fuq Facebook u saħaq li huwa innoċenti.
Filmat li kien ixxandar fil-programm Pjazza wera kif Karol Aquilina kien pprova jfixkel skorta ta’ delegazzjoni ta’ Ministru barrani li kien f’pajjiżna.
Filwaqt li l-karozzi l-oħra warrbu u segwew l-ordnijiet tal-pulizija, waqt li kien qed isuq fi triq li tagħti lejn il-Belt, mhux biss daħal f’nofs il-karozzi tad-delegazzjoni, imma Karol Aquilina, saq meta d-dwal tat-traffiku kienu juru l-aħmar u ma tax ċans lin-nies jaqsmu.
Huwa saħansitra pperikola ħajjet l-uffiċjal tal-pulizija li kien qed isuq il-mutur tat-traffiku.
F’manuvra aktar perikoluża Karol Aquilina kważi waqqa’ l-pulizija li kien fuq il-mutur.
Żewġ pulizija tal-muturi tat-traffiku, dehru wkoll ikellmu lil Karol Aquilina, iżda hu deher ma jagħtix kashom u jeħodha kontra tagħhom, tant li ħareġ ixxejjer idu u jieħu tiegħu minfuq.
Sorsi qalu li wara dan il-każ, Karol Aquilina kien mitkellem mill-pulizija imma invoka privileġġ parlamentari.
Minkejja dan il-pulizija investigat il-każ.
Karol Aquilina qal li mhux se jibqa’ Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja iżda xorta se jibqa’ parti mill-grupp parlamentari Nazzjonalista.
Fil-fatt, ikkonfermat dan stqarrija tal-Partit Nazzjonalista hekk kif imkien ma qalet li Karol Aquilina se jkun qed jirriżenja mill-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
L-istqarrija spjegat li l-portafoll ta’ Aquilina se jkun qed jingħata lil Joe Ellis filwaqt li Robert Cutajar se jkun qed joħodlu postu bħala Segretarju tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/30/ir-rizenja-ta-aquilina-minn-kelliem-tal-oppozizzjoni-tista-tittiehed-bis-serjeta-daqs-dik-ta-schiavone-il-pl-1/