Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina jrid li jerġa’ jsir membru tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
U din it-talba reġgħet ħolqot inkwiet ġdid fil-Partit Nazzjonalista. Tant li f’minuta waħda biss Bernard Grech ta’ żewġ verżjonijiet għall-istess mistoqsija meta ġie affaċċjat b’dan is-suġġett.
Il-fazzjoni ta’ Adrian Delia ma tridx li Karol Aquilina jingħata din il-preferenza. Dan fl-istess ħin li Darren Carabott kien urtat ferm bil-bidliet li jrid jagħmel il-Kap biex jaqdi lil Aquilina.
Madankollu l-fazzjoni ta’ Delia ftit inkwetat għal Carabott u qalet li jekk kemm-il darba jidħol Karol Aquilina, Adrian Delia għandu jinħatar chairman tal-kumitat minflok Darren Carabott.
Huwa hekk biss, qalet il-fazzjoni ta’ Delia, li lesta taċċetta li Karol Aquilina jerġa’ jingħata rwol f’dan il-kumitat mingħajr inkwiet.
Iżda, Darren Carabott kien ċar li mhux se jċedi kif ġieb u laħaq u n-nies tiegħu qalu li dan huwa eżempju ieħor ta’ kif Bernard Grech jużak u jarmik. Affaċċjat bir-reżistenza ta’ Carabott, l-aħbar malajr ġriet mal-erbat irjieħ u dwarha staqsew il-ġurnalisti ftit minuti wara li sar magħruf internament x’qed jiġri.
Maħsud, Bernard Grech deher imur lura mill-pjan.
“Rigward tal-PAC. Mhux minnu li se jkun hemm xi tibdli fejn jidħol li jinbidel iċ-chairman u jsir Adrian Delia,”
Iżda, wara ftit, il-Kap reġa’ qagħad attent li ma jgħalaqx il-bibien kollha, konxju ta’ dak li għaddej fil-Partit Nazzjonalista u l-insistenza ta’ Karol Aquilina li jrid jerġa jsir membru.
Hu qal hekk.
“Minn żmien għal żmien nikkunsidra li nbiddel, mhux biss hemm, imma anke f’kumitat oħrajn.”
David Agius u Graham Benċini huma l-membri l-oħra f’dan il-kumitat u Karol Aquilina qed jgħafas biex jidħol flok xi ħadd minnhom.
Filwaqt li Adrian Delia qed jinsisti li jekk jidħol Karol Aquilina fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, jrid jidħol hu, Darren Carabott qed jgħid li dan ifisser li x-xogħol li għamel hu tul din l-aħħar sena ma kien apprezzat xejn.
Madankollu qabel dan kollu kellu ċans jiddiskutih, il-Kap kien iffaċċjat bid-domandi tal-ġurnalisti.