Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, tefa’ ’l barra ilment li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fejn talbu jirrevedi l-konklużjoni ta’ rapport mill-uffiċċju tiegħu dwar il-Ministru Miriam Dalli u stqarrijiet b’kontenut ta’ natura partiġġjana.
Il-Kummissarju wieġeb li, kif kien diġà ddikjara fid-deċiżjoni tiegħu, każ simili, li rrefera għalih Aquilina, ġie ppreżentat lill-predeċessur tiegħu George Hyzler fl-1 ta’ Novembru tal-2020, meta Dalli kienet għadha ma saritx Ministru. Dan minbarra li għadda ż-żmien mindu ġie deċiż l-istess każ.
Għaldaqstant il-Kummissarju ma tax raġun lil Aquilina fejn qal li mhemmx bażi biex jirrevedi l-konklużjoni preċedenti u jirreferi l-każ lill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Kitba ta’ Aymen Grech Pace