Konferma tal-qasma u l-inkwiet li kompla jikber fil-Partit Nazzjonalista wara dak żvelat minn The Sunday Times, kienet konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-Partit Nazzjonalista t-Tnejn waranofsinhar.
Konferenza li ġiet indirizzata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, u għaliha kien hemm id-Deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina, mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-ġurnalisti preżenti staqsew dwar dak irrappurtat, li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jinsab fil-qalba ta’ investigazzjoni mill-Pulizija dwar każ ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
Lil Adrian Delia ħareġ jiddefendih Clyde Puli li qal li l-istorja hija spin.Iżda għal kuntrarju, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina għazel li jweġibx. Qal biss “kun imbierka”, u telaq il barra mill-kamra fejn bdiet isir il-konferenza tal-aħbarijiet.
Karol Aquilina mhux biss huwa deputat qrib u leali lejn l-eks Kap Simon Busuttil, imma wkoll persuna li dejjem jattendi għall-attivitajiet li jsiru mill-Occupy Justice u jagħtihom l-appoġġ tiegħu.
L-istess Occupy Justice li fl-aħħar sigħat qalu li Adrian Delia għandu jirrizenja wara dak zvelat mit-Times.
Ladarba kien biss Clyde Puli li ħareġ għonqu għal Delia, il-ġurnalisti staqsew jekk Delia għandux jirriżenja bil-kejl tiegħu stess. Hawnhekk Puli fetaħ attakk fuq The Sunday Times.
Fil-21 ta’ Novembru li għadda Delia kien qal li kull min ikun taħt investigazzjoni għandu jirrizenja. Izda ladarba l-investigazzjoni hi dwaru, Delia mhux jimxi ma dak li kien qal.
Iżda ġimagħtejn ilu, Delia kien ċar fi kliemu, u qal li kull min ikun taħt investigazzjoni għandu jirrizenja.
Iffaċċjat b’aktar mistoqsijiet, Clyde Puli, l-uniku deputat li ħareġ jiddefendi lil Adrian Delia qal li kaz ġara meta Delia ma kienx fil-politika.
B’reazzjoni, il-Partit Labruista qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmel spin biex minflok jitkellem dwar dak allegat fuq Adrian Delia, għamel konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Kummissjoni Elettorali.
M’hemmx dubju li dan l-ispin hu maħsub biex ineħħi l-attenzjoni minn fuq il-Kap Nazzjonalista, li issa spiċċa vittma ta’ kliemu stess. Għax wara li ilu jgħid li kull min hu investigat għandu jirriżenja minnufih issa sar magħruf li hemm hu fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni.
Il-Partit Laburista qal li Adrian Delia qed ikompli jgħaffeġ bl-istess attitudni ta’ dawk ta’ qablu minflok jinduna li kull darba qed idaħluh f’ħajt u jibda l-mod ġdid li wiegħed.