Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ma rax kunflitt ta’ interess li jkun preżenti waqt kumitat parlamentari li kien se jiddiskuti rapport li kien iffirmat minn ħuh, Robert Aquilina, President tal-għaqda Repubblika.
Dan intqal mid-deputati min naħa tal-Gvern, il-Whip Glenn Bedingfield u l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, it-Tlieta waranofsinhar.
Karol Aquilina baqa’ jsostni li hu m’għandux kunflitt ta’ interess għax skont hu qatt ma kellem lil ħuh fuq dan ir-rapport iżda l-membri tal-Gvern irrimarkaw li deputat tal-Oppożizzjoni se jiddiskuti rapport iffirmat minn ħuh.
Id-diskussjoni kellha tkun dwar materjal promozzjonali li ntuża minn Ministeru.
Il-membri tal-Gvern ħarġu ’l barra mil-laqgħa wara li Karol Aquilina baqa’ jsostni li m’għandux jiġi sostitwit minn deputat ieħor tal-Oppożizzjoni.