Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina ma qabilx mal-mod kif Jason Azzopardi għamel ftehhim ma’ kuntrattur qrib il-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-art tal-fekruna.
F’konferenza tal-aħbarijiet dwar is-servizz pubbliku Aquilina ddikjara li Ministru m’għandux jiddetta deċiżjonijiet li normalment joħduhom il-ħaddiema taċ-ċivil. Meta kien mistoqsi jekk jaqbilx mal-aġir ta’ Azzopardi dwar il-Fekruna huwa ddikjara li f’ċirkostanzi bħal dawn l-involviment tal-Ministru fisser li l-poplu Malti mar minn taħt.
Minkejja li għal dawn l-aħħar snin Karol Aquilina kien minn ta’ quddiem li jikkritika kull deċiżjoni li ħa l-Gvern, meta reġa kien mistoqsi jekk Azzopardi għandux jerfa’ r-responsabbiltà politika, Aquilina flimkien maż-żewġ kandidati għall-parlament Ewropej baxxew rashom u ħarġu minn ġol-kamra.
Fix-xhieda tiegħu quddiem il-kumitat tal-kontijiet pubbliċi, Peter Mamo kien qal l-affarijiet fl-espropriju tal-art tal-Fekruna ma sarux skont il-proċedura. Fix-xhieda ġuramentata qal li kieku kien hu ma kienx jiffirma l-ftehim ta’ tpartit ta’ art tal-Gvern ħamest ijiem qabel l-elezzjoni ġenerali, bħalma ġara fil-każ tal-art tal-Fekruna. Sostna wkoll li ma qabilx li l-proprjetà tal-Gvern f’San Ġwann u s-Swieqi kellha tiġi vvalutata minn periti tal-kuntrattur stess għax skont Mamo ħwejġu għandu jivvalutahom hu stess u mhux ix-xerrej.
Dwar dan il-każ skandaluż anki l-Awditur Ġenerali kien tefa’ dubji kbar dwar kif sar ftehim li konsegwenza tiegħu, l-pajjiż tilef mal-miljun ewro.