Id-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina kien ikkundannat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia f’ruling li ta fil-bidu tas-seduta Parlamentari tal-lejla.
F’deċiżjoni li ta, l-Ispeaker tal-Parlament qal lill-Kelliem għall-Ġustizzja ta’ Bernard Grech, li d-diskors li fih infexx jgħajjar lin-naħa tal-Gvern, bħala wieħed li jagħmillux ġieħ u li waqqgħu fil-baxx.
F’ruling li ngħata fil-konfront ta’ ħu l-President tal-għaqda Repubblika, l-Ispeaker qal li jrid jibgħat messaġġ b’saħħtu kontra kull diskors ta’ insult fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Id-diskors ta’ Karol Aquilina fil-Parlament kien wieħed li kompla mal-isteriżmu li wriet l-Oppożizzjoni fid-diskorsi tagħha filwaqt li barra l-Parlament it-Tnejn filgħaxija, partitjarji Nazzjonalisti nfexxew joffendu u jagħtu s-salt quddiem il-Parlament.
Fosthom kien hemm saħansitra s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
Fil-Parlament, it-Tnejn filgħaxija l-Ispeaker kellu għal diversi drabi jintervjeni għal għajjat fosthom anki minn Deputati Nazzjonalisti bħal Chris Said u David Agius.