Ilbieraħ, Bernard Grech, ħareġ mill-Parlament bil-Kap veru, Karol Aquilina, u wħud mid-deputati Nazzjonalisti warajh. Ilum, Bernard Grech, ħareġ mill-Parlament waħdu. Ħadd miegħu. Iżolat. Tellief. Karol Aquilina użah u ramieh.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’rabta mal-aġir tal-Oppożizzjoni – fejn telqu ‘l barra mill-Parlament.
Id-dgħufija ta’ Bernard Grech u kemm l-estremisti verament ħadu kontroll tal-Partit Nazzjonalista issa ħarġu iżjed biċ-ċar, hekk kif, għat-tieni jum konsekuttiv, l-Oppożizzjoni reġgħet abdikat mir-responsabbiltajiet tagħha fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-mozzjoni b’appoġġ lill-Ispeaker Anġlu Farrugia u kontra l-attakki insensati bħal dawk ta’ Karol Aquilina.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Laburista, li ġiet indirizzata mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia u s-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield, intqal kif il-Partit Nazzjonalista hu irresponsabbli lejn in-nies li jirrappreżenta hu stess.
Kmieni t-Tlieta waranofsinhar, is-Segretarju Parlamentari Bedingfield antiċipa li l-Oppożizzjoni aktarx terġa’ tabdika mir-responsabilità tagħha flok tiddibatti tali mozzjoni tal-Gvern. Hekk fil-fatt ġara għall-ħabta tal-4:30.
Bedingfield, spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni, quddiem il-problemi u l-firda fil-Grupp Parlamentari tiegħu, qed jimbotta politika ta’ mibegħda flok ta’ rispett lejn l-Ispeaker.
Dr Bedingfield qal li Grech farfar mir-responsabilità u telaq ’il barra mill-Parlament, wara li kellu jbaxxi rasu għal dak li ried id-Deputat Nazzjonalista u Kap de facto Karol Aquilina. Fakkar kif kien Aquilina stess li, fil-jiem li għaddew, kiser l-ordnijiet permanenti li jirregolaw il-Parlament u mexa b’mod oxxen u indiċenti, b’diżrispett lejn l-Ispeaker u d-deputati Parlamentari kollha.
Saħaq li Grech huwa kap dgħajjef quddiem is-saħħa ta’ Karol Aquilina, li llum jidher ċar aktar minn qatt qabel min hu l-Kap Nazzjonalista.
“Quddiem il-problemi li qed jiffaċċja, il-firda, anke fil-Grupp Parlamentari tiegħu, kwantu għal min irid il-politika tal-mibegħda, flok il-politika tar-rispett, farfar minn din ir-responsabbiltà, abdika u lbieraħ telqu ’l barra mill-Parlament.”
Is-Segretarju Parlamentari, Glenn Bedingfield
Min-naħa tagħha, il-Whip Naomi Cachia qalet li n-nies iridu politika diċenti u mhux aġir bħal dak tal-estremisti tal-Partit Nazzjonalista, li għandhom kontroll assolut tal-partit tagħhom.
Spjegat li l-mozzjoni mressqa minnha kienet fid-dover tad-deputati tal-Gvern li ssir, għax ma setgħux iħallu għaddej l-attakk fuq l-integrità tal-Ispeaker u l-Parlament innifsu.
Dr Cachia sostniet li s-soċjetà ma tridx il-politika kif iddettata mill-estremisti tal-Partit Nazzjonalista li għandhom il-kontroll assolut tal-PN. Spjegat li d-deputati Laburisti xtaqu li l-Oppożizzjoni tagħmel dmirha, iżda ħareġ ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni kellu jċedi għar-rieda tal-estremisti.
Temmet tgħid li esponenti Nazzjonalisti stess ma jridux din it-tip ta’ politika estrema u, għalhekk, sostniet li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni kellha tkun favur id-diċenza u kontra l-mibegħda.
“Dgħajjef fil-konfront ta’ Karol Aquilina. Mur ġibu irid jieħu deċiżjonijiet kuljum bħala Prim Ministru ta’ pajjiżna. Mur ġibu kien fiż-żarbun tal-Prim Ministru Robert Abela u jrid jiddeċiedi affarijiet importanti ta’ kuljum.”
Il-Whip tal-Gvern, Naomi Cachia