Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qed jiġi interpretat li qed jagħmel manuvri fil-konfront ta’ Joe Giglio, b’dan tal-aħħar huwa ta’ theddida għal Aquilina fl-elezzjoni ġenerali li jmiss hekk kif huwa kandidat Nazzjonalista.
Giglio mistenni jikkontesta fuq id-disa’ u l-għaxar distrett, b’Karol Aquilina wkoll jikkontesta l-għaxar distrett tant li fl-aħħar elezzjoni ġenerali tela’ minn fuq dak id-distrett b’elezzjoni każwali wara li fid-distrett tradizzjonali tiegħu, dak tas-sitt distrett fejn hemm is-Siġġiewi, baqa’ l-art.
Skont il-gazzetta KullĦadd, l-avukat Joe Giglio qiegħed ikun suġġett għal attakk kordinat minn dawk ta’ Karol Aquilina fil-każini bi kliem bħal Giglio ma tistax tafdah.
Il-KullĦadd qal li fuq din il-ħaġa, Karol Aquilina qed isib l-appoġġ ta’ deputati Nazzjonalisti oħra tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil fosthom Beppe Fenech Adami.
Karol Aquilina imbagħad fil-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi qed ikollu ħafna battibekki jaħarqu mal-Avukat Giannella De Marco, li l-KullĦadd irrapporta li din spiċċat intużat biex Aquilina fetaħ attakk fuq Giglio.
Fil-fatt t’Aquilina qed jattakkaw lil Giglio fuq il-karriera legali tiegħu bħala Avukat imqabbad tal-kriminal u propju hawn Aquilina infexx jgħid ċertu kliem lil oħt id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco u li bihom anki attakka lil Giglio.
Qal, “Jien ma nemminx fil-kriminali u jien ma nitħallas mill-kriminali, jien ma nitħallasx mill-kriminali.”
L-għaxar distrett mistenni jkun wieħed jaħraq għall-kandidati Nazzjonalisti hekk kif fl-aħħar elezzjoni l-Partit Nazzjonalista ħa xokk meta fl-hekk imsejħa koalizzjoni ta’ konfużjoni Marlene Farrugia ġiet eletta minn dan id-distrett u tellfet siġġu lill-Partit Nazzjonalista.
Dan id-distrett mistenni jkompli jagħti l-problemi lil Karol Aquilina issa li Joe Giglio qiegħed ikun meqjus bħala wieħed mill-favoriti fost il-kandidati tal-għaxar distrett wara anki Robert Arrigo, li dejjem ġab il-voti f’dan id-distrett.
L-istat ta’ paniku ta’ Karol Aquilina, li wassal għal botti fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, ġibed l-attenzjoni tal-Kamra tal-Avukati fejn din tal-aħħar innutat id-diżappunt tagħha għall-kummenti ta’ Aquilina u kkundannatu.
Il-Kamra tal-Avukati saħqet li huwa dritt fundamentali li persuna tiġi assistita minn avukat tal-għażla tagħha.
Żiedet tgħid li l-irwol tal-avukat huwa proprju dak li jipparteċipa fil-proċess sħiħ biex issir ġustizzja u dan mingħajr mal-avukat għandu jiġi medesimat ma’ dak li allegatament ikun għamel il-klijent tiegħu jew ikkritikat proprju u sempliċiment għaliex qeda dmiru.
“Meta l-attakk ikun ġej minn membru ieħor tal-istess professjoni dan jirrendi l-fatt aktar gravi,” qalet il-Kamra tal-Avukati fi stqarrija b’reazzjoni għall-attakki ta’ Dr Aquilina, avukat hu nnifsu iżda li sorsi differenti saħqu li dan mhux se jinteressa wisq lil Karol Aquilina, magħruf li mhux xi avukat ċelebri.