Meta mistoqsi minn ONE News l-Erbgħa dwar l-attakk insensat li l-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, għamel fuq l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg ma kkundannax l-aġir ta’ Karol Aquilina fil-Parlament.
Iżda sorsi qalulna li Buttigieg xejn mhu impressjonat bl-aġir ta’ Karol Aquilina. Tant li għażel li ma joħroġx għonqu biex jiddefendih.
Esponent Nazzjonalista qal lil ONE News li, bejn Aquilina u Buttigieg, teżisti qasma hekk kif mhumiex mill-istess fazzjoni u jikkontestaw l-istess distretti.
Buttigieg kien ġie elett f’by-election f’Ottubru tal-2022, ftit xhur wara l-elezzjoni ġenerali. Iżda meta ma kienx ġie elett f’Marzu tal-2022, jiġifieri mar-riżultati tal-elezzjoni ġenerali, kien ikkritika lill-PN li ħadem biex hu jiġi mwarrab.
L-istess sors qal lil ONE News li, fost dawk viċin Bernard Grech li jiddeċiedu liema kandidati jiġu imbottati u liema le biex jibqgħu l-art, hemm il-Kap de facto Karol Aquilina.
Intqal li minħabba li Karol Aquilina u Albert Buttigieg jikkontestaw l-istess distretti, l-eks Sindku ta’ San Ġiljan xejn ma sab imbottaturi mill-istess Aquilina.
Jigi mbottat biss f’xi stunt, bħalma saret quddiem il-Parlament, fejn Aquilina vvinta li jesponu pakketti taparsi reżina tal-kannabis, iżda ma riedx jidher hu f’viżwal bi droga falza warajh. Bħal diversi drabi, tefa’ l-ġebla u ħeba idu.
Fejn ma riedx viżwal tiegħu bid-droga falza warajh, tefa’ żewġ deputati mid-distretti li jikkontesta hu, lil Albert Buttigieg u Graziella Attard Previ.
Dawn aċċettaw l-istedina, iżda l-esponent Nazzjonalista qal li t-tnejn mhux komdi jiddefendu lil Karol Aquilina.
Attard Previ hi magħrufa li tipprova tintogħġob ma’ kull fazzjoni fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, inkluża dik estremista, waqt li Buttigieg iddikjara hu stess li l-PN ma xtaqux jiġi elett.