Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina uża l-aġġornament tal-Erbgħa fil-Parlament biex jigdeb dwar il-proġett tal-power station tal-gass. B’reazzjoni għall-allegazzjonijiet ta’ Aquilina fil-Parlament, il-Partit Laburista qal li mhu veru xejn li kien hemm xi ftehim ma’ xi persuna jew kumpanija qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013.
Qal li qabel l-elezzjoni l-Partit Laburista kellu pjan ta’ kif se jraħħas il-kontijiet b’ħamsa u għoxrin fil-mija kif fil-fatt għamel u spjegah pubblikament. Wara l-elezzjoni, il-kuntratt ingħata wara proċess kompetittiv ibbażat fuq il-prinċipji ta’ dan il-pjan li kien pubbliku, u li matulha pparteċipaw għadd ta’ kumpaniji.
Kienu xhur ta’ evalwazzjoni li wasslu biex intgħażlet l-aħjar offerta. Dan ma jgħidux biss il-Partit Laburista għax il-proġett marbut mal-bini tal-power station il-ġdida kien evalwat milll-Kummissjoni Ewropea li kkonfermat li l-Gvern Malti kien mexa mar-regoli u l-liġijiet stabbiliti.
Tant Simon Busuttil ma kienx ħa pjaċir b’dik il-konklużjoni li kien spiċċa jgħajjar lill-President tal-istess Kummissjoni. Il-Partit Laburista qal li d-diskors ta’ Aquilina qed jidher b’mod ċar li n-nies wara l-gidba ta’ Egrant, baqgħu ma tgħallmu xejn.
Qal li fil-ħajja u fil-politika jgħoddu l-fatti u l-provi u mhux l-istejjer li jogħġbu jivvinta xi ħadd bħal Karol Aquilina.
Intant din ma kinitx l-uniku gidba fil-konfront tal-Partit Laburista hekk kif dalgħodu l-ġurnal tal-partit Nazzjonalista In-Nazzjon ħareġ jallega li l-entitajiet tal-gvern u l-ministeri ntalbu jħallsu erbat elf u ħames mitt ewro biex ħadu sehem fil-fiera Kwalità Malta.
Il-Partit Laburista qal li din hi gidba mill-bidu sal-aħħar għax is-sehem tal-entitajiet governattivi kien mingħajr ħlas, l-istess kif kien għall-għaqdiet li jaħdmu fis-settur tal-karità.