Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina tressaq il-Qorti mixli li f’każ li jmur lura għal Ġunju ta’ sentejn ilu daħal fi skorta tal-pulizija u ma obdiex l-ordnijiet tal-pulizija biex jagħti d-dritta lill-iskorta. F’filmati li kienu ġew imxandra fil-programm Pjazza juru karozza tibqa’ dieħla għan-nofs, bis-sewwieq Karol Aquilina ma jobdix l-ordnijiet tal-pulizija.
Fil-Qorti fost l-oħrajn xehed wieħed mill-uffiċjali tal-pulizija li kienu xogħol dakinhar fl-iskorta. Huwa spjega kif id-Deputat Nazzjonalista baqa’ dieħel għal nofs skorta ta’ iżjed minn żewġ karozzi li kienet fi triqitha biex tiġbor delegazzjoni barranija.
Xehed ukoll rappreżentant mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-pulizija li qal kif is-sit lovinmalta kien bagħat numru ta’ mistoqsijiet wara li kienu ġew ippubblikati l-filmati tal-inċident fuq l-istazzjon ONE. Fil-Qorti huwa ppreżenta wkoll il-filmat hekk kif imxandar.
Xehed ukoll Charles Zammit, li għandu l-kumpanija tas-servizzi tax-xufiera li dakinhar kienu qed isuqu fl-iskorta. Qal kif hu kien ix-xufier ta’ quddiem u ra l-karozza tibqa’ dieħla għal nofs l-iskorta.
Fl-awla ġew juru l-appoġġ tagħhom lil Aquilina d-deputati Nazzjonalisti David Thake, Ivan Bartolo, Mario De Marco u Jason Azzopardi. Kien hemm ukoll ħu d-Deputat Nazzjonalista, Robert Aquilina li huwa il-President tal-Għaqda Repubblika.
Wara s-seduta fil-Qorti, lil Aquilina staqsejnieh jekk bħala deputat li tant iħambaq fuq il-governanza t-tajba hux ser ikun qed jissospendi ruħu minn Deputat Nazzjonalista sakemm ikun hemm verdett mill-Qorti dwaru. Madankollu Karol Aquilina lebbet kemm felaħ u qalilna biss biex inħalluh.
Meta kien mistoqsi: “Tħoss li għandek tissospendi ruħek minn deputat Nazzjonalista mqar sakemm tnaddaf ismek?”
Aquilina qalilna, “Ħallina”
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Ma tħossx li għandek tissospendi ruħek minn deputat Nazzjonalista, tħoss li għadu postok tirrappreżenta l-poplu?”
Karol Aquilina sostna: “Ħallina. Kun imbierek.”
Il-kawża ser tkompli tinstema’ fi Frar wara li fadal jinstema’ jixhed l-ispettur li kien fl-iskorta dakinhar u li għamel ir-rapport. Dan ressaq rikors biex ma jixhidx illum iżda l-Qorti rat li dan ma kienx sostanzjat b’evidenza li turi li huwa ma setax jattendi. Għalhekk il-Qorti rat li huwa wettaq disprezz lejn il-Qorti u mmultatu erba’ mitt ewro.