Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-istorja dwar in-nuqqasijiet fiskali ta’ Jason Azzopardi hija vvintata.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet oħra tal-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina, magħruf kemm hu u Jason Azzopardi huma ħobża u sikkina qal hekk meta mistoqsi minn ONE News.
Aquilina stqarr: “Ivvinta din l-istorja fuq kollega tagħna dwar sitwazzjoni personali li għaddej minnha.”
Dak li qal Karol Aquilina, li huwa wkoll Segretarju tal-grupp parlamentari Nazzjonalista ġie nnegat qabel minn Jason Azzopardi stess.
Dan għaliex mal-Maltatoday, Jason Azzopardi nnifsu kkonferma l-istorja ta’ ONE News li ma ddikjarax x’jaqla’ u b’hekk ammetta l-aġir.
Mal-Maltatoday, xħin ħarġet l-istorja fuqu, Jason Azzopardi waħħal fil-proċeduri tas-separazzjoni.
Intant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li Karol Aquilina qalilna li nivvintaw quddiem fatti ċari, id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, użat Jum il-Mara biex tiddefendi lil Jason Azzopardi.
Commodini Cachia qalet, “Il-każ tad-deputat kollega Azzopardi jiena f’Jum il-Mara rrid inqajjem dan il-punt.”
Filwaqt li l-Ġurnalist ta’ ONE News staqsieha: “Qed tuża Jum il-Mara biex tgħatti għal Dr Jason Azzopardi?”
Imkejjen fid-Dar Ċentrali ma stennewx li Comodini Cachia tiddefendi lil Jason Azzopardi b’dan il-mod.
Dan speċjalment wara l-iżviluppi drammatiċi tas-sajf li għadda meta l-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, fosthom Jason Azzopardi, proponew lil Comodini Cachia sabiex tieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Partit.
Dan wara li l-fazzjoni ta’ Busuttil bdiet tagħfas fuq dawk li sejħet bħala dellijiet li għandu fuqu Adrian Delia.
Comodini Cachia spiċċat baqgħet l-art u ma ħaditx il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni, u wisq inqas il-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, wara li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil għażlet lil Bernard Grech biex itellaq ma’ Delia u b’hekk twaqqfet Comodini Cachia milli tikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Matul il-jum ukoll ONE News staqsa lill-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina fuq dawn l-aħħar żviluppi dwar Jason Azzopardi.
Dan fil-kuntest li l-għaqda Repubblika titkellem ħafna fuq il-governanza.
Madankollu Robert Aquilina kkonfermalna li d-demm jiġbed, għaliex bħal ħuh, iddefenda lil Azzopardi.
Meta kien mistoqsi: “X’inhi r-reazzjoni tagħkom għal dak żvelat dwar id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li ma ddikjarax dħul għal ħlas tat-taxxa?”
Aquilina qal, “Naturalment it-tentattiv tagħkom illum huwa li tmorru l’bogħod minn dak.”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News tenna: “Mistoqsija sempliċi.. mistoqsija pertinenti.. kulħadd qed jistaqsiha.”
Aquilna sostna: “It-tweġiba hija li ħa ntik hawnhekk. Robert Abela jgħidilna li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu. L-allegat abbuż ta’ Jason Azzopardi seħħ taħt dan il-Gvern. Allura l-Prim Ministru Robert Abela jrid jiddeċiedi. L-istituzzjonijiet qiegħdin jaħdmu jew le?”
Il-Ġurnalist ta’ ONE News reġa’ staqsa: “Jason Azzopardi għandu responsabbilità x’jerfa’?”
Aquilina kompla jgħid: “Aħna nittamaw li kif jgħidilna Robert Abela l-istituzzjonijiet qiegħdin jaħdmu u nissoleċitaw biex l-istituzzjonijiet tassew jaħdmu.”