Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina uża konferenza tal-aħbarijiet tal-partit tiegħu biex jibgħat messaġġ ċar lil Adrian Delia li għad għandu allegazzjonijiet serji fuq rasu.
Karol Aquilina, wieħed mill-hekk imsejħa sbatax-il eroj li kien il-perċimes fir-ribelljoni, waħda wara l-oħra li tqajjmet kontra l-Kap Nazzjonalista għadda battuta li mhux la kemm se tintlaqa’ tajjeb mit-tmexxija Nazzjonalista.
One News staqsa jekk huwiex ser jibqa’ jinsisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jerħi t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li ressqet li ressqet Daphne Caruana Galizia.
“Dr. Aquilina se tibqa’ tinsisti li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jirriżenja mit-tmexxija tiegħu tal-Partit Nazzjonalista fid-dawl tal-akkużi gravi li għamlet Daphne Caruana Galizia fil-konfront tiegħu.”
F’botta ċara lejn Adrian Delia, Karol Aquilina qal li dak kollu li huwa ħażin irid jiġi investigat u jittieħdu l-azzjonijiet.
“Jien ser nibqa’ ninsisti li ssir ġustizzja u dak kollu li huwa ħażin wieħed jiġi investigat u jittieħdu l-azzjonijiet.”
Karol Aquilina huwa figura prominenti fi ħdan il-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil.
Fazzjoni li sa minn meta Adrian Delia ħa t-tmun tal-Partit Nazzjonalista għamlet minn kollox sabiex ixxekkel lill-Kap Nazzjonalista milli jmexxi lill-Partit f’tal-Pieta.
Aquilina u ta’ miegħu ta’ sikwit ifakkru fl-allegazzjonijiet li kienet għamlet Caruana Galizia dwar Delia fejn sostniet li huwa fetaħ kont bankarju f’Jersey u daħħal flus ġejjin mill-prostituzzjoni.
Għal dawn l-allegazzjonijiet, Delia qatt ma ried inaddaf ismu billi jitlob investigazzjoni dwaru.
Fi Frar li għadda One News kixef laqgħa sigriet fejn fiha Karol Aquilina deher ħiereġ mir-residenza ta’ Louis Galea wara laqgħa sigrieta fejn fiha sorsi kienu qalu ma’ One News li kienu qed jiġu diskussa manuvri kbar bħala parti minn pjan biex Adrian Delia jwarrab minn Kap Nazzjonalista.