Il-gazzetta KullĦadd żvelat li d-Deputat u Kelliem Nazzjonalista għall-Ġustizzja, Karol Aquilina, ħa f’idejh id-direzzjoni li qed tingħata lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista dwar il-midja. Dan joħroġ minn leak ieħor ta’ dokumenti sensittivi mill-Partit Nazzjonalista li qed jitwasslu lill-istess gazzetta.
Dan anke wara l-iżvelar mill-KullĦadd tal-Pre-Budget Document Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat, li l-Partit Nazzjonalista baqa’ ma ppubblikax s’issa.
Jirriżulta li Karol Aquilina kien l-awtur ta’ linji-gwida li d-Direttur Informazzjoni Nathaniel Attard, eks kap tal-aħbarijiet tan-NET fi żmien GonziPN, bagħat lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Waqt li Aquilina jidher li ma jissemma mkien, sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lill-KullĦadd li tali linji-gwida, inkluż dwar kitba ta’ stqarrijiet u kif trid issir strateġija li fiha tiżdied id-doża ta’ negattività u attakki fuq kull ħaġa li jagħmel il-Gvern, ma fassalhom ħadd ħlief id-Deputat tal-‘Blue Heroes’ u ħu l-President Onorarju tal-għaqda Repubblika.
Il-KullĦadd, fl-aħħar ħarġa tagħha, qalet li tant hu kkonfermat li kien Karol Aquilina l-awtur tal-linji-gwida, li nqabad waħdu mid-dettalji tad-dokument stess, li ġew ippubblikati.
Il-gazzetta tenniet li Aquilina, flimkien ma’ deputati oħrajn li poġġew lil Bernard Grech bħala Kap, ħatfu l-Partit Nazzjonalista f’idejhom u l-Kap ikollu joqgħod għal dak li jgħidulu huma. Fost dawn hemm Beppe Fenech Adami u Mark Anthony Sammut iżda mill-bogħod anki qed jagħti parir ’l hawn u ’l hinn, Chris Said.
Anke jekk bħala membru tal-Grupp Parlamentari għandu konflitt qawwi ta’ interess, il-linji-gwida jirregolaw x’ritratti għandhom jippubblikaw id-deputati u kif iridu jsiru l-attakki u l-preżenza tagħhom fuq il-midja tal-Partit.
Iżda Aquilina kellu l-aħħar kelma wkoll fuq ix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech, fejn hu żamm il-portafoll tal-ġustizzja, għax insista mal-Kap li m’għandux jiċċaqlaq, imma ried akkost ta’ kollox li jtellef il-portafoll li kellu Joe Giglio, li ilu bit-tikketta miegħu fuq diversi kwistjonijiet.