L-avukat Karol Aquilina, wieħed mill-iktar persuni qrib il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, jinsab taħt kritika interna qawwija wara li l-Partit Nazzjonalista ma daħħalx il-kawża b’rabta mal-avviż legali li jirregola l-billboards.
Aquilina huwa wieħed mill-avukati li qed jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista f’dan il-każ, li jaħdmu fuqu hemm ukoll il-Viċi-Kap, Beppe Fenech Adami u d-deputat Jason Azzopardi.
Iżda, dawk li fil-partit ma jarawx għajn m’għajn mal-Kap ħadu l-okkażjoni biex fl-aħħar sigħat fetħulha kontra s-Sindku tas-Siġġiewi u l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali. B’uħud fid-Dar Ċentrali jinstemgħu jgħidu kif f’dan il-każ il-Partit Nazzjonalista waqa’ għaż-żufjett għax deher li ma jafx fatti bażiċi b’rabta ma’ meta kellu jdaħħal l-appell.
Oħrajn ma naqsux milli jikkritikaw lis-Segretarju Ġenerali, Rosette Thake, u jgħidu li b’paga ta’ €60,000 fis-sena ma kienux jippretendu żball bħal dan.
Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Imħallef Jacqueline Padovani Grima, laqgħet mandat tal-Partit Nazzjonalista u temporanjament waqqfet it-tneħħija ta’ billboards tal-partiti politiċi, skont pubblikazzjoni ta’ avviż legali ġdid.
Il-pass li kien imiss kien li fi żmien 20 jum il-Partit Nazzjonalista jitfaħ kawża. L-20 jum skadew it-Tnejn 30 ta’ Mejju, iżda dan ma sarx.
L-ordni li jitneħħew kienet ngħatat wara li nbidlet il-liġi biex il-billboards isiru skont regoli iktar stretti u jsiru ħlasijiet ta’ liċenzji.
Fiċ-ċirkostanzi l-Awtorità tal-Ippjanar li l-Erbgħa filgħodu daħlet kontro-mandat il-qorti biex tiddefendi l-avviż legali. Issa l-qorti tat jumejn ċans lill-Partit Nazzjonalista biex iwieġeb għal dan.