Pulizija, ħaddiema tal-kostruzzjoni, piloti u cowboys. Dawn kienu fost il-karattri, li kkaratterizzaw Pjazza Santu Rokku, f’Ħal Għaxaq, fil-Karnival spontanju, li ġie organizzat mill-Kunsill Lokali u l-iskola Primarja tal-lokal, fejn ra attendenza numeruża, partikolarment ta’ tfal, akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom.
L-attività kienet ukoll ir-riżultat ta’ karrijiet, imfasslin mit-tfal stess, u kostumi oriġinali li lewnu l-pjazza u tawha l-ħajja, permezz tad-divertiment u l-mużika.
Tkellimna ma’ wħud mit-tfal tal-iskola, li b’entużjażmu, spjegawlna l-kostumi tagħhom.
Is-Sindku ta’ Ħal Għaxaq, Darren Abela, ikkummenta wkoll dwar is-sinifikat wara dan il-Karnival spontanju, tradizzjoni li tmur lura s-snin u li hi wkoll sinonima ma’ din il-lokalità.
Qal, “It-tfal ta’ kull sena, jibdew jippreparaw minn qabel, biex jagħmlu kostum tradizzjonali bil-karti, bil-kartun, bil-plastik u b’affarijiet riċiklabbli biex jagħmlu kostum tal-Karnival. Aħna noħorġuhom mal-lokal biex nagħmlulhom speċi ta’ parata, biex inrawmu t-tfal Għaxqin li meta jikbru jżommu t-tradizzjoni tal-Karnival ta’ Ħal Għaxaq u b’hekk ma jintilifx.”
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, il-Kunsillier Keith Fenech spjega wkoll li l-Karnival f’Ħal Għaxaq ma jiqafx sa din l-attività, iżda jieħu l-perkors tiegħu fuq diversi jiem.
Stqarr, “Ħal Għaxaq hu magħruf ħafna għall-Karnival spontanju, u dak jilħaq il-qofol tiegħu l-Ħadd, it-Tnejn u t-Tlieta filgħaxija. L-attività tibda dejjem fit-tmienja ta’ filgħaxija u jkun hemm ħafna maskarati spontanji, karrijiet żgħar, magħmulin mill-Għaxqin, u minbarra l-Għaxqin jipparteċipaw anke l-barranin. L-aktar ġurnata poplari hi t-Tnejn filgħaxija.”