Kostumi differenti – ta’ kull kulur u immaġinazzjoni, ħolqu festa brijuża fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq, għall-Karnival Spontanju tat-tfal.
Studenti mill-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq, kellhom ġurnata differenti minn tas-soltu hekk kif iċċelebraw il-karnival mat-toroq ta’ Ħal Għaxaq.
Żmien ta’ ferħ u briju, li apparti l-vaganzi li jġib miegħu l-Karnival, it-tfal jieħdu gost li jilbsu xi ħaġa mhux tas-soltu u jkunu kreattivi.
F’Ħal Għaxaq iltqajna mat-tifla li libset ta’ forn.
Hija qalet: “Jien u z-ziju għamilnih bil-kaxxi u għamilna bieba. Xtrajna l-affarijiet u ġieni hekk”.
Oħrajn libsu tal-karattru favorit tagħhom, f’dan iż-żmien tant mistenni.
Tifel qal: “Ilbist ta’ Captain Amerika għax joġobni”.
“U jiena nħobbu l-karinval għax toqgħod tilbes u tara l-karru”.
Tifel ieħor qal: “Ilbist ta’ pirate għax joġobni”.
Tifla rrimarkat: “Għax il-mummy qaltli nilbes tas-snow white”.
Tifel ieħor ikkumenta: “Ilbist ta’ cat boy għax joġobni”.
Fit-toroq ta’ Ħal Għaxaq l-istudenti imxew ma’ karru ta’ Toninu is-sajjied, b’messaġġ edukattiv – biex ma nitfgħux plastic u skart fil-baħar. Il-Karru inħadem minn Frans Busuttil.
Frans Busuttil li ħadem il-karru qal: “Il-fekruna ma tkunx trid plastic allura l-plastic jagħmillha l-ħsara u tmut. Ħalluni ngħix u titfgħux plastic fil-baħar”.
Filfatt, l-għalliema tal-istudenti tal-iskola primarja ta’ Ħal Għaxaq, fissru l-importanza li f’dan iż-żmien ta’ briju tal-Karnival, xorta jitwassal messaġġ edukattiv.
Faye Busuttil, Kindergarten Educator qalet: “Nippruvaw nkunu kreattivi magħhom. Nużaw affarijiet riċiklatti. Għamilna karrijiet bil-ġugarelli u affarijiet oħra”.
Charmaine Falzon Kindergarten Educator oħra qalet: “Karnival festa ta’ briju u ħafna immaġinazzjoni li hija importanti”.
Din l-attività ittellgħet ukoll bis-sehem tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq.