Nhar il-Ħamis 8 ta’ Frar, mis-6:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem se jkun qed jittella’ għall-ewwel darba l-Karnival fiż-Żurrieq minn ħdejn il-Knisja parrokkjali u fit-toroq tal-madwar.
Dan il-Karnival se jsir bis-sehem tal-maskaruni, karrijiet u żfin, waqt li se jinkorpora wkoll kompetizzjoni tal-kostumi organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, spjegat li, b’din l-inizjattiva, il-festa tal-ilwien u divertiment qed tkun aktar aċċessibbli iżjed, għax qed tkun iċċelebrata ’l barra mill-Belt Valletta u l-Furjana kif tradizzjonalment isir.
Qalet, “Ħa jibda minn fejn hemm il-venda, jgħaddi minn quddiem il-Kunsill u jispiċċa fil-Pjazza. Ħa jkun hemm żfin, ħa jkun hemm banda, ħa jkun hemm is-scouts, ħa jkun hemm affarijiet tal-ħelu u l-prinjolata. It-tfal tal-iskola se jkunu lebsin kostum ukoll. Nispera li kulħadd jiġi u jieħu pjaċir.”
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta, Jason Busuttil, spjega li, wara s-suċċess tas-Sibt fiċ-Ċentru tal-Artiġġjanat f’Ta Qali u l-Ħadd fil-Ħamrun, issa jmiss il-Karnival fil-lokalità taż-Żurrieq li, għall-ewwel darba, se jiġi organizzat b’kollabarazzjoni bejn il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq u Festivals Malta.
Tkellmu wkoll il-Kap Eżekuttiv u Chairman ta’ Festivals Malta, Frans Agius u Aaron Zahra, li spjegaw li, biż-żieda taż-Żurrieq, il-Karnival qed jilħaq komunitajiet ġodda u juri l-elementi varjati tiegħu fi nħawi li qatt ma esperjenzawh fuq din l-iskala.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, saħaq fuq is-sinifikat tat-tixrid tal-kultura fil-lokalitajiet tagħna, fosthom fil-lokalità taż-Żurrieq fejn se naraw l-ewwel edizzjoni tiegħu din is-sena.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, faħħret l-inizjattiva ta’ Festivals Malta li, għal darb’oħra, qed iwasslu ċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali u kulturali tal-Karnival fil-qalba tal-lokalitajiet, bħaż-Żurrieq.