“Bniedem uniku li ddedika ħajtu għas-servizz tan-nies”.
Hekk iddeskriva lill-eks Prim Ministru u mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici, ix-xufier personali tiegħu, Steven Grech.
Karmenu Mifsud Bonnici ħalla din id-dinja nhar is-Sibt filgħodu fl-għomor ta’ 89 sena.
Huwa ingħata l-aħħar tislima t-Tnejn fil-Knisja Parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun.
Steven Grech, li għal dawn l-aħħar disa’ snin serva bħala xufier personali tal-eks Prim Ministru, qal li f’ħajtu Karmenu Mifsud Bonnici kien dejjem iżomm lill-ħaddiem u lil batut quddiem għajnejh.
Ma’ dan l-istazzjon, Grech qal li Karmenu qatt ma xtaq xi karozza lussuża, u wisq anqas xufier. Madabakollu, minkejja l-kundizzjoni ta’ saħħtu, aċċetta.
“Le, qatt ma xtaq xufier, imma dawn l-aħħar disa’ snin saħħtu bdiet sejra lura u konna tkellimna u dħalt jien miegħu.”
Steven Grech tkellem ukoll dwar il-valur tas-solidarjetà li kien jgħix fil-prattika l-eks Prim Ministru Mifsud Bonnici, b’mod partikolari ma’ dawk l-aktar batuti fis-soċjetà. Dan kien jagħmlu mingħajr daqq ta’ trombi.
Grech, li huwa ukoll is-Sindku ta’ Marsaxlokk, qal li anke fl-aħħar snin ta’ ħajtu Karmenu baqa’ jżomm idejh fuq il-fqir fejn ma baqax passiv quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn.
“Wassaltu l-Belt, u kien ġie persuna u qallu li kienet ‘mietet il-mara u m’għandix flus biex nagħmlilha l-funeral. Kien qabad u għamillu ċekk. Daqshekk kien jaħsibhom. Ma kienx jaħseb u jgħid sebaħ u dalam.”
L-eks xufier ta’ Karmenu Mifsud Bonnici qal ukoll li l-eks mexxej Laburista ma kienx persuna li jħobb il-pompa, u dan intwera ukoll wara mewtu.
Huwa żied jgħid li l-Avukat Mifsud Bonnici baqa’ jqis iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bħala d-dar tiegħu.
“Dakinhar xtaq immur jivvota. Qalli – konna sejrin hemmhekk, konna sejrin ir-Renal, u mar jivvota, u morna nivvutaw, u wara morna għall-kura.”
Steven Grech jiftakar ukoll kif, quddiem il-problemi u l-mard li kellu f’ħajtu, Karmenu Mifsud Bonnici kien idur lejn il-Madonna tal-Karmnu u jitlobha tgħinu f’mumenti diffiċli.