Karmenu Mifsud Bonnici deskritt bħala onest u kuraġġuż
“Mudell tal-ġenwinità, tas-sinċerità u tal-umiltà.”
Hekk iddeskriviet lill-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici, il-President Emeritus Marie-Louise Colerio Preca, mumenti wara li tħabbret il-mewt tiegħu fis-sigħat bikrin tas-Sibt.
Il-President Emeritus, li ħadmet mill-qrib mal-eks Mexxej Laburista sa mill-bidu tal-karriera tagħha, innotat kif karatteristika unika li kellu, kienet dik li jservi għaliex ma kienx fil-politika biex ikun servut.
Ma’ dan l-istazzjon, hija elenkat parti mill-ħidma tiegħu li pajjiżna għadu jgawdi minnha sal-lum; it-tfassil tal-Liġi Industrijali.
Qalet, “Kien ressaq sitta u tmenin emenda dak iż-żmien mill-General Workers’ Union u Dr Gonzi li kien Ministru tal-Politika Soċjali kien aċċetta tnejn u tmenin minnhom. Jiġifieri l-liġi tal-impjiegi u industrijali li għandna llum għandha bla dubju ta’ xejn titqies ukoll b’legat ta’ Dr Mifsud Bonnici.”
Lil hinn mill-karriera politika tiegħu b’diversi rwoli, Mifsud Bonnici kellu għal qalbu t-tfal.
Qalet, “Niftakarni f’ħafna attivitajiet kulħadd jersaq bit-tfal, trabi u tfal daqsxejn akbar u bil-paċenzja kollha tiegħu, il-ġentlomerija u l-ġentilezza kollha tiegħu kien jerfa’ u jbus kull tifel u tifla. Jien niftakarni dejjem inqandel it-tfal biex intihomlu f’idejh.”
L-Eks Ministru Joe Debono Grech, li serva fil-Kabinett immexxi minn Karmenu Mifsud Bonnici, jitkellem dwar l-onestà tiegħu.
Debono Grech stqarr kif Mifsud Bonnici kien katalist biex żamm lill-Partit Laburista b’saħħtu fi żminijiet diffiċli iżda dejjem ta’ saħħtu għall-kawża tal-ħaddiem.
Qal, “Bħalma sibtu jiena sabuh ħaddiema oħra, sabuh nies illi kienu fil-bżonn, iddefendihom fil-Qrati b’xejn, għenhom mhux bil-paroli kien jgħinhom, mhux ‘Alla jgħinek’, kien jgħinhom finanzjarjament.”
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-Kabinett tiegħu, Alex Sceberras Trigona, qasam magħna diversi esperjenzi u kisbiet diplomatiċi, mal-erba’ kantunieri tad-dinja, li pajjiżna kiseb taħt it-tmexxija ta’ Karmenu Mifsud Bonnici.
Iżda lil hinn minn dawn, Sceberras Trigona, qalilna kif Dr Mifsud Bonnici kellu abbiltà tajba li jiftakar.
Permezz ta’ kollegament telefoniku, l-Eks Ministru jirrakkonta kemm Mifsud Bonnici kien mexxej sod u kuraġġuż, u kien jippreferi joqgħod il-Parlament waħdu f’isem l-Oppożizzjoni biex il-kumplament tal-Grupp Paralmentari jmur jiltaqa’ man-nies.
Qal, “Pereżempju meta konna fl-Oppożizzjoni kien jgħidilna, toqgħodux hawn fil-Parlament morru kkanvażjaw intom jien nieħu ħsiebhom kollha waħdi lin-naħa tal-Gvern Nazzjonalista. Kien joqgħod hemm, jgħajruh, iżebilħuh u hu punt, punt, jgħidilhom isma’ fuq din section 78, sub-section C ma taqbilx ma section 42, sub-section C. Dawn f’daqqa waħda joqgħodu bilqiegħda jiċċekkjaw u jġib lilhom l-istudenti tal-iskola.”
Apparti individwi li ħadmu mill-qrib mal-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, kien hemm bosta reazzjonijiet li fakkru aspetti differenti mill-ħajja li għex Karmenu Mifsud Bonnici.
L-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Alfred Sant iddeskriva t-telfa tiegħu bħala telfa kbira għal-Laburiżmu Malti. Huwa qal kif Misud Bonnici kien jara fit-tul, jifhem il-ħajja tal-ħaddiem u ħadem mingħajr ebda sens ta’ ambizzjoni personali.
L-Eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat iddeskriva lil Mifsud Bonnici bħala bniedem ta’ prinċipju li kkontribwixxa bil-fatti biex il-Partit Laburista, il-General Workers’ Union u pajjiżna jinsabu fejn huma llum.
Fost dawk li sellmu l-memorja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll l-Uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, il-General Workers’ Union u l-Partit Nazzjonalista.