Il-kowċ tat-team nazzjonali malti tal-waterpolo Kark Izzo nieda l-programm ta’ ħidma tiegħu bħala parti mill-kandidatura għall-kariga ta’ president tal-ASA. Dan sar aktar kmieni din il-ġimgħa waqt attivita’ f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan u għaliha attendew bosta personalitajiet magħrufa tal-Waterpolo u Għawm lokali kemm tal-preżent kif ukoll tal-passat.
Karl Izzo se jkun qed jikkontesta lill-president attwali Joe Caruana Curran fl-elezzjoni li se ssir nhar it-Tlieta 29 ta’ Ottubru.
Il-pjan ta’ Izzo huwa bbażat fuq ħames pilastri ewlenien: pjan strateġiku ta’ ħames snin għall-isport akwatiku kollu, stabilita’ finanzjarja, bosta programmi edukattivi għall-atleti u kowċies lokali, kompetizzjonijiet aktar attraenti u tisħieħ tal-isport akwatiku f’Għawdex.
F’kelmtejn, Izzo qal li jrid joħroġ dejjem aktar il-potenzjal tal-isport akwatiku kollu kemm hu fejn apparti l-waterpolo u l-għawm irid jagħti spinta lill-għawm sinkronizzat u l-Open Water Swimming.
Grazzi għall-kuntatti li għandu ma’ barra huwa determinat li jagħti opportunitajiet ġodda lill-plejers u atleti tagħna. Issa li se jkollna żewġ pixxini ġodda, waġda fil-Kottonera u l-oħra f’Għawdex, se jaħdem biex iġib f’pajjiżna kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ livell.
Waqt is-serata ta’ preżentazzjoni tal-programm u kandidatura ta’ Karl Izzo tkellmu wkoll personalitajiet oħra, fosthom l-ex plejers Jonathan Valletta, Niki Lanzon u Aurelien Cousin, il-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit, il-plejer ta’ Sliema Dino Zammit u l-għawwiem Neil Agius.