L-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder ikkonferma li se jkun qed joħroġ għar-rwol ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Gouder kkonferma mat-Times fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd li jinsab interessat fil-kariga, it-tieni l-ogħla fil-ġerarkija tal-Partit Nazzjonalista.
Kien ONE News li żvela isem Karl Gouder il-ġimgħa li għaddiet.
Dakinhar, ONE News irrapporta kif, fil-kurituri tad-Dar Ċentrali, kien diġà qed jissemma Gouder.
L-eks Deputat mexxa l-kampanja ta’ Bernard Grech fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u attwalment imexxi l-midja tal-partit.
Hu kien sar membru Parlamentari permezz ta’ co-option fi żmien GonziPN.
B’hekk, Karl Gouder jistenna jkun is-suċċessur ta’ Michael Piccinino, li ħabbar li se jirriżenja ġimgħa ilu mal-istess Times u biħsiebu joħroġ fuq ir-Raba’ Distrett fl-elezzjoni ġenerali tliet snin oħra. Dan anke kien sigriet magħruf li Piccinino kien fuq żaqq ħafna minn dawk li jamministraw tassew fil-Partit Nazzjonalista.
Il-gazzetta KullĦadd, flimkien ma’ ONE News, fil-bidu ta’ din is-sena kienu żvelaw kif fil-Partit Nazzjonalista ilu jinħema pjan biex wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju jittajjar mill-kariga, li fl-imgħoddi kienet okkupata minn persuni bħal Joe Saliba, Austin Gatt u Lawrence Gonzi.
Piccinino tkellem mat-Times u ta l-istorja li hu se jitlaq, għax qal li se jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, avolja hu magħruf kif sa ftit snin ilu din il-pożizzjoni kienet okkupata wkoll minn Chris Said fl-istess waqt li kien deputat Parlamentari.
“L-iskuża ta’ Piccinino ma niżlitx ma’ kulħadd”, qalilna fl-aħħar jiem sors minn ta’ ġewwa fid-Dar Ċentrali.