Il-viċi-president tal-ASA Karl Galea ġie sospiż temporanjament mill-kariga tiegħu sakemm l-istess ASA tinvestiga x’wassal biex proċeduri quddiem il-bord tal-appelli tal-assoċjazzjoni jiġu dikjarati nulli.
Il-kwistjoni hi marbuta ma’ każ li kien hemm quddiem il-bord tal-appelli tal-ASA b’rabta ma’ każ ta’ dixxiplina fil-konfront tal-plejer ta’ San Ġiljan Matthew Zammit. Dan il-każ ta’ dixxiplina twaqqa’ wara li membru tal-eżekuttiv tal-assoċjazzjoni avviċina xhud li kien imsejjaħ f’dan l-appell.
Dan tħabbar fi stqarrija li ħarġet l-assoċjazzjoni akwatika wara laqgħa urġenti kmieni l-erbgħa u li matulha ġie deċiż li jinħatar bord ta’ inkjesta indipendenti li se jinvestiga l-każ.
Fi stqarrija l-ASA qalet li l-inkjesta trid tagħmel skrutinju tal-azzjonijiet tal-membri kollha tal-kumitat eżekuttiv bi trasparenza sħiħa.