Raġel ta’ 63 sena minn Birkirkara qed isofri minn ġrieħi serji wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Mosta Burmarrad.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7 ta’ dalgħodu.
Minn starriġ preliminari irriżulta li għal xi raġuni seħħet ħabta bejn karozza Honda Accord misjuqa minn Niġerjan ta’ 28 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar u Toyota Vitz misjuqa mill-vittma. Jidher li bl-impatt it-Toyota ħadet in-nar.
Fuq il-post issejħu membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li ħadu lill-vittma l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Is-sewwieq tal-Honda ma sofra l-ebda ġrieħi.
It-triq direzzjoni lejn il-Mosta tinsab magħluqa, il-Pulizija tavża lill-pubbliku biex jevita milli jgħaddi mit-triq f’dan il-ħin.
Il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.