Mustapha Hancha, Tuneżin ta’ 29 sena, li ġie arrestat b’rabta ma’ sajd illegali fl-ibħra territorjali Maltin ftit tal-jiem ilu, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Dan wara li tressaq il-Qorti, l-Erbgħa wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Hancha li huwa l-Kaptan tal-bastiment ‘Mohamed Chiheb’ ġie arrestat ara li l-Pulizija tal-Għassa tal-Belt, uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura u suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw il-bastiment tas-sajd Tuneżin li kien għadu kif trakka f’Xatt il-Barrieri.
Fost oħrajn irriżulta li l-bastiment ma kellux liċenzji biex jintuża għas-sajd fl-ibħra territorjali ta’ Malta.
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura kkonfiskaw madwar ħames mitt kilogramma ta’ ħut u tagħmir tas-sajd.
Fil-Qorti, huwa ġie ordnat biex iħallas għaxart elef ewro, u t-tagħmir fuq il-bastiment għadda f’idejn il-Gvern Malti
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elliot Magro.