Minn għada, il-vetturi li se jgħaddu minn Triq Mikiel Anton Vassalli se jsuqu b’arranġament ġdid tal-korsiji. Il-vetturi se jsuqu iktar viċin tal-ħajt tan-naħa tal-vilel mill-pompa tal-petrol lejn il-junction. In-naħa l-oħra tat-triq se tkun parti miż-żona ta’ fejn qed isiru x-xogħlijiet hekk kif il-proġett dieħel f’fażi ġdida.
Il-kuntrattur tal-Kappara, illum waqqa’ dak li qabel kien ir-ristorant ‘The Cottage’. Għamel spazju biex it-triq titwessa’ u jkun hemm ħruġ għal slip way. Il-kuntrattur neħħa ir-roundabout tal-Kappara iktar kmieni. Ix-xogħol għaddej ġmielu wkoll fil-livell ta’ taħt it-triq. Ħaddiema ħejjew il-pedamenti u bnew parti sostanzjali mill-ħitan tal-appoġġ. Il-ħitan se jżommu s-‘slip way’ li se tgħaqqad ‘il-Gżira ma Triq Mikiel Anton Vassalli.
Ħaddiema se jkunu qegħdin jiżbgħu sinjali tat-triq ġodda fi Triq Mikiel Anton Vassalli, llejla. Waqt ix-xogħlijiet, se jkun hemm korsija disponibbli f’kull direzzjoni madanakollu, jekk jogħġobkom, evitaw iż-żona meta possibbli. Iż-żona hija sit ta’ kostruzzjoni u l-limitu ta’ veloċita huwa ta’ 30 Km fis-siegħa. Sewwieq li jinjoraw il-limitu jipperikolaw ħajjet il-ħaddiema fuq is-sit.
Transport Malta fakkret li m’hemmx aċċess għall-Gżira mill-Kappara, iżda l-biċċa l-kbira ta’ Triq Tas-Sliema għadha aċċessibli minn Triq D’Argens. Il-bus lanes f’Tas-Sliema u l-Gżira huma temporanjament sospiżi biex jagħmlu iżjed faċli għall-vetturi biex joħorġu mill-akkwati ta’ Tas-Sliema.