Proprju ftit tax-xhur ilu, il-grupp Kapitlu Tlettax ġie avviċinat biex jikteb kanzunetta bis-suġġett ikun l-omm. L-idea kienet dedika għal din l-persuna li llum m’għadhiex magħna, iżda kien forsi punt tat-tluq biss, għaliex minn hemm, inkitbet kanzunetta li tista’ tapplika speċjalment mir-ritornell, għal kull omm li batiet, għal kull omm li għexet u llum straħu għal ħajja ta’ dejjem.
Rita, l-isem magħżul għal din il-kanzunetta, b’dedikazzjoni lill-għażiża Rita Vella, għandha lirika fir-ritornell miktuba minn Joseph Mario Calleja, magħruf aħjar bħala Joseph Kapitlu, kif ukoll lirika miktuba fil-versi f’għamla ta’poeżija minn Christabelle Gatt.
“Ma wasalt il-bieb infetaħ, imma int ma tirrispondinix… din id dar vojta wisq mingħajrek, il-ħin kollu naħseb fik… u naf li le, qatt ineħħi l-memorji li ħallejt”, huwa kliem li bih Joseph jixtieq jirrifletti l-weġgħa li l-individwu qiegħed iħoss issa li proprju l-omm m’għadhiex hemm, għalkemm ikompli jgħid li fl-istess ħin li l-esperjenzi li huma għexu flimkien m’huma ħa jintesew qatt.
Kapitlu Tlettax ilhom jgħidu li qegħdin jaħdmu fuq materjal ġdid f’dawn l-aħħar ftit jiem u ġimgħat, tant li anke ritratti fuq il-midja soċjali tfaċċaw juru xogħol li għaddej fl-istudjo. Din hija l-ewwel kollaborazzjoni bejn Kapitlu Tlettax u Raquela; f’waħda minn diversi kanzunetti oriġinali li raw lill-grupp tal-hip hop Malti jaħdem m’artisti rinonati fosthom: Janice Mangion, Julie Pomorski, Danica Muscat, Grecia Bezzina u Liston.
Rita, hija t-tieni silta li ġiet imedija fis-sena 2024 wara s-suċċess ta’ Lilek Biss, storja ta’ mħabba li ftit tal-ġimgħat ilu laħqet il-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin wara perjodu ta’ żmien iddur mal-aqwa 5 postijiet fl-istess klassifika. Hi ssegwi wkoll l-ippubblikar ta’ sitt kanzunetti fis-sena 2023, tnejn li kienu parteċipanti f’uħud mill-aqwa spettakli f’pajjiżna: Mużika Mużika u L-Għanja tal-Poplu.
Rita tistgħu tisimgħuha fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube, għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni u sapport t’Ironic PR & Artist Management.