“L-ewwel bewsa li tajtni għadni niftakarha ċar, bil-moħbi mill-ġirien quddiem il-bandli tad-dar … kellna biss tnax li sirna nafu lil xulxin, fl-istilel ma kontx nemmen imma dan hu d-destin.” Lirika mirquma li tixhed emozzjonijiet kbar, bejn żewġ maħbubin, koppja li jidher li ilhom daqsxejn flimkien, iżda bħal donnu bdew joħorġu flimkien ftit tax-xhur qabel, meta l-imħabba tkun għadha qiegħda tinbed.
Dan huwa suġġett differenti ħafna minn tas-soltu għal Kapitlu Tlettax, Iżda xorta waħda jitratta tema’ reali, u attwali. Infatti, Lilek Biss, li ġiet imnedija proprju ftit tal-ħin ilu, titkellem dwar ir-relazzjoni bejn Joseph Mario Calleja u l-maħbuba tiegħu Charlene Vassallo. Hu jgħidilha “lilek biss inħobb … kun af lilek biss irrid” filwaqt li jirrakonta l-ġrajja twila ta’ bejniethom, ġrajja li wasslet ukoll għal bini ta’ familja ċkejkna, mogħnija bl-imħabba.
Kapitlu Tlettax ma tantx jikkonformaw mar-regoli tal-ippubblikar ta’ kanzunetti, tant li mhux l-ewwel darba li jħabbru fuq il-midja soċjali li fil-jiem li ġejjin ser ikunu qegħdin ivaraw materjal ġdid, iżda r-raġuni wara dan hu li minn wara l-kwinti, ma jieqfu qatt, ikomplu jaħdmu sakemm fl-aħħar jieħdu pawsa mill-kreattività biex jaqsmu xogħlhom mas-segwaċi tagħhom. Kien proprju l-ġimgħa l-oħra li tħabbar dan il-proġett, li Joseph Mario Calleja jirreferi għalih bħala “wieħed speċjali, għaliex fl-aħħar stajt naqsam parti oħra minn ħajti.”
Lilek Biss hija l-ewwel rilaxx tas-sena 2024 u żgur mhux tal-aħħar, wara li fis-sena 2023 ippubblikaw xejn anqas minn sitt kanzunetti: Tibkix, kollaborazzjoni ma’ Aleera de Lune, Patrick Gaffiero, Krista Bajada kif ukoll Maria Cini; Wiċċ B’Ieħor, kollaborazzjoni ma’ Julie Pomorski li waslet mal-20 semifinalist ta’ Mużika Mużika 2023; Żerriegħa ta’ Mħabba, proġett ddedikat lil Madonna tad-Duttrina f’Ħal Tarxien, Kreattività tal-Pastizzi, kollaborazzjoni ma’ Grecia Bezzina li kienet finalista fl-Għanja tal-Poplu; Nibqa’ Nammirak flimkien ma’ Ayce u Nittama Fikom, kollaborazzjoni ma’ Liston.
Lilek Biss, li mil-lum tistgħu tisimgħuha fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube għandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni u sapport t’Ironic PR & Artist Management.